2 minuti qari

Il-psikologa Dr Anna Cassar qalet li dieta tajba u eżerċizzju jistgħu jgħinu lil persuni aggressivi biex jikkontrollaw ir-rabja u jirregolaw il-burdati tagħhom.
F'intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dr Cassar spjegat li l-eżerċizzju jgħin lill-ġisem jipproduċi l-endorfins, li huma ormoni li jagħmluk tħossok iktar kuntent, u b’hekk jistgħu jiġġieldu sentimenti ta’ rabja.
Skont Dr Cassar, id-dieta wkoll tista’ tikkundizzjona l-burdata ta’ dak li jkun.
Dan ikkonfermawh studji li sabu rabtiet ta’ tipi ta’ mġiba aggressiva ma’ nuqqasijiet ta’ nutrijenti fil-ġisem, fosthom il-vitamina Ċ, il-kalċju, il-magneżju u l-vitamina B6. Studji oħra sabu li ċerti supplimenti tal-ikel jistgħu jtejbu l-burdata u l-funzjoni tal-moħħ ta’ dak li jkun għax jipprovduh bil-vitamini u l-minerali kollha li ġismu jkollu bżonn.
Mill-banda l-oħra, ikel li jkun fih ammonti kbar ta’ zokkor jew ta’ melħ jistgħu mhux biss jgħejju lil dak li jkun iżda jistgħu jħallu impatt negattiv fuq il-burdata tiegħu, minħabba li l-ġisem ma jkollux in-nutrijenti li jeħtieġ biex ikun jista’ jiffunzjona kif suppost.
Jista’ jkun li allerġiji għal ikel partikolari u anke livelli baxxi taz-zokkor jistgħu jwasslu lill-persuna biex issir aggressiva.    
Dr Cassar issuġġeriet metodi oħra ta’ kif wieħed irażżan l-istint tar-rabja, pereżempju billi jgħodd min-numru wieħed san-numru 10 qabel ma jirreaġixxi, għax skontha l-impuls tal-aggressjoni s-soltu jitlaq wara żewġ sekondi.
Madankollu, fakkret li l-ebda żewġ persuni mhuma l-istess, u għalhekk rimedji bħal dawn mhumiex se jkunu effettivi f’kull ċirkustanza.
Dr Cassar temmet tfakkar li Aġenzija Appoġġ għandha helpline bin-numru 179 li huwa miftuħ 24 siegħa kuljum, fejn wieħed jista’ jċempel għall-għajnuna meta jkun għaddej minn żminijiet diffiċli.