Klabbs b’interess fi plejers tal-futbol minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea qed jiġu offruti servizz minn Identity Malta, biex jinġieb single permit, li permezz tiegħu sportiv ikun jista’ jaħdem f’Malta.
Dan is-servizz qed jingħata mill-bini tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Amministrattivi Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima ħabbru dan waqt żjara fl-uffiċini tal-MFA.
Farrugia Portelli qalet li b’kollox fl-2016, kien hemm 8,700 applikazzjoni għal single permit minn ħaddiema barranin, filwaqt li fl-2017 iċ-ċifra telgħet għal 14,220.
"Kommessi li niġġieldu kull tip ta' korruzzjoni fl-isport" – Il-Gvern
Sadanittant fi stqarrija separata, il-Gvern qal li hu kommess li jiġġieled kull tip ta' korruzzjoni jew ta' influwenza esterna fl-isport. 
Semma l-liġi li mistennija tieħu post l-Att dwar il-Prevenzjoni ta' Xiri ta' Plejers.

Il-Gvern fakkar, li f’Awwissu li għadda s-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat u l-MFA ħabbru konsultazzjoni pubblika biex kull min kien interessat seta’ jsemma leħnu biex isiru l-aħħar tibdiliet fuq l-abbozz ta’ liġi ġdida qabel tiġi preżentata għall-approvazzjoni fil-Parlament.

Ritratt: DOI -Reuben Piscopo