Flimkien għal Ambjent Aħjar qed tipprotesta l-fatt li bdew xogħlijiet ta’ twaqqigħ fi propjetà skedata bħala Grad 2 fil-Pietà minkejja li dwar din id-deċiżjoni hemm appell li għadu għaddej.
L-applikazzjoni tal-iżvilupp, li tinkludi t-twaqqigħ tal-propjetà fil-Marina tal-Pietà, kienet ġiet approvata f’Ġunju tal-2017 iżda l-eNGO kienet appellat id-deċiżjoni.
Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqet li l-permess jinjora għal kollox il-protezzjoni tal-patrimonju u se jkollu effett fuq il-viżwal kollu tat-triq.
L-istqarrija ttemm tgħid li din il-binja setgħet ġiet irrestawrata b’somma ta’ €100,000 bħala parti minn skema tal-Awtorità tal-Ippjanar imwaqqfa fl-2017.