Grupp ta’ Ewroparlamentari ngħaqdu flimkien biex iħeġġu lill-Unjoni Ewropea taddotta liġi biex il-ġurnalisti jkunu protetti minn dawk l-individwi, għaqdiet u kumpaniji li jużaw il-libelli biex jintimidaw u jsikktu l-ġurnalisti investigattivi.
L-Ewroparlamentari għamlu din it-talba wara li kemm il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u anke organizzazzjonijiet tal-midja Maltin ġew mhedda bi proċeduri simili mill-Bank Pilatus u anke mill-kumpanija Henley & Partners.
Fir-Renju Unit, Appleby, kumpanija assoċjata mal-Paradise Papers, qed tuża tattiċi simili kontra The Guardian u l-BBC.
L-Ewroparlamentari qed jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea biex taddotta dik li sejħu bħala direttiva anti-SLAPP (Strategic lawsuit against public participation) li l-għan tagħha huwa li ssikket, tintimida u tiċċensura lill-ġurnalisti billi theddidhom bi proċeduri legali li ma jkunux jifilħu jiġġieldu finanzjarjament.
Dawn is-sit MPEs ġejjin minn gruppi differenti fi ħdan il-Parlament Ewropew u jinkludu lil David Casa, Ana Gomes, Monica Macovei, Maite Pagazaurtundúa, Stelios Kouloglou u Benedek Jávor.
L-MPEs saħqu li din il-prattika hija abbużiva, thedded il-libertà tal-istampa u ma għandha l-ebda post fl-Unjoni Ewropea.
Huma qed jgħidu li d-direttiva tal-Kummissjoni Ewropea għandha tagħti dritt lill-ġurnalisti u lill-kmamar tal-aħbarijiet biex jitolbu li jaqgħu dawn il-proċeduri legali u jitolbu kumpens;
L-istess direttiva għandha tassigura li tfittex u tagħti multi lil dawk il-kumpaniji li jippruvaw jiżgiċċaw din id-direttiva billi jiftħu proċeduri legali f’ġurisdizzjonijiet mhux fl-Unjoni Ewropea.
Jgħidu li d-direttiva għandha toħloq fond għal dawk il-ġurnalisti u anke l-kmamar tal-aħbarijiet li qed jiġġieldu dawn il-libelli u anke tagħti lista ta’ dawk l-individwi u l-kumpaniji li jippruvaw jintimidaw lill-ġurnalisti fi proċeduri simili.
Thomas Gibson, mill-Kumitat għall-Protezzjoni tal-Ġurnalisti qal li l-ġurnalisti indipendenti f’Malta qed jiffaċjaw sfidi u restrizzjonijiet kbar u l-Kummissjoni Ewropea għandha tindirizza l-klima li fiha qed jaħdmu l-ġurnalisti investigattivi f’Malta.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Index on Censorship, Jodie Ginsberg  insista li midja libera li tinvestiga każijiet ta’ korruzzjoni u abbuż ta’ poter hija fundamentali f’Demokrazija.