Il-Gvern irrifjuta n-nomina tal-Partit Demokratiku għall-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, għax in-nominazzjoni tista’ ssir biss mill-Kap tal-Oppożizzjoni.
Ilbieraħ il-PD innomina lil Philip Micallef biex jirrappreżanta lill-Oppożizzjoni fil-Kummissjoni, u għamel hekk minħabba li l-Partit Nazzjonalista naqas milli jinnomina persuna biex tkun parti mill-kummissjoni.
Il-Partit tal-Oranġjo bagħat ittra lill-Prim Ministru, Joseph Muscat, biex iħabbarlu b’din-nomina.
Madankollu llum il-PM wieġeb li ma jistax jaċċetta n-nomina minħabba r-raġuni msemmija.
Fl-istqarrija l-partit qal li hu jemmen li dil-kummissjoni jeħtiġilha tkun f’postha u taħdem kif sippost, u kien għalhekk li l-Kap tal-PD, Anthony Buttigieg, ikkuntattja lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, biex jissuġġerilu jinnomina hu lil Micallef.
Dwar Micallef, żied jgħid li jemmen li huwa l-kandidat ideali, u jista’ jkun ta’ servizz kbir lill-pajjiż.
Irrimarka li issa huwa irrelevanti mnejn tiġi n-nomina, l-aqwa li ssir u jiġi nnominat Micallef.
Il-partit temm jgħid li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni għandha tinża’ mill-interferenzi politiċi.
Il-Gvern ifiehem għala rrifjuta n-nomina
Aktar tard fi stqarrija l-Gvern fiehem li ma setax jaċċetta n-nomina tal-Partit Demokratiku, meta qal li m'għandhiex bażi legali skont il-Kostotuzzjoni Maltija.
"L-artiklu 3 (1) tal-Att dwar il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni jipprovdi li l-membri tal-Kummissjoni jridu jinħatru mill-President ta’ Malta li taġixxi fuq il-parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni", qal il-Gvern.
Għalhekk temm jgħid li hu bħala Gvern qed jistenna li t-talba ssir mill-Kap tal-Oppożizzjoni, skont il-liġi.
Irrimarka li l-istqarrija tal-PD li l-Gvern "irrifjuta" t-talba hija żbaljata. 
Ara hawn taħt it-tweġiba tal-PM.