Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li pajjiż ikun b’saħħtu meta l-poplu jgħix f’ambjent rispettuż u jkun kapaċi jfittex kull opportunità biex isaħħaħ il-paċi u l-prosperità.
Waqt li laqgħet lill-membri tal-Korp Konsolari Onorarju ta’ Malta għall-awgurju tas-sena l-ġdida, il-President fakkret fid-diskors ta’ Jum ir-Repubblika meta saħqet li nazzjon demokratiku jkun b’saħħtu meta l-poplu jħoss sens ta’ konnessjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiż, u jipparteċipa b’mod attiv, fl-iżvilupp tal-futur ta’ pajjiżu.
Kien hawn li saħqet li l-Konsli Onorarji jistgħu jkunu ta’ eżempju biex il-poplu jgħix f’ambjent san u għandhom l-irwol li jżommu konnessjonijiet b’saħħithom mal-komunitajiet u gruppi diversi.
Saħqet li bix-xogħol tagħhom jistgħu joħolqu ambjent fejn il-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-individwi jinbidlu f’opportunitajiet ta’ ġid li jħallu effett fuq is-soċjetà 
“Dan huwa s-sens ta’ impenn li jinħtieġ ikollna biex nassiguraw kultura ta’ paċi pożittiva, fost il-popli tagħna, saħqet il-President waqt li fakkret li dan ma jfissirx biss nuqqas ta’ kunflitt jew vjolenza iżda abbilità li l-poplu jaħdem flimkien għall-ġid soċjo-ekonomiku.
Awguratilhom li b’xogħolhom jenfasizzaw l-importanza ta’ opportunitajiet innovattivi fil-komunitajiet u fost il-poplu biex jissaħħu l-valuri tar-rispett u l-paċi.
“F’dinja li iktar ma tmur, qed issir aktar globalizzata, jiena nemmen ħafna fir-rwol tad-diplomazija konsolari, li għandha tkun iċċentrata fuq dawn il-valuri essenzjali,” saħqet Coleiro Precaa.
Temmet id-diskors tagħhom billi ħeġġithom jassiguraw id-dinjità ta’ kull individwu billi l-valuri essenzjali ta’ paċi u ġustizzja ikunu fil-qofol tad-demokraziji. 

Ritratt: OPR