Il-Partit Demokratiku (PD) qal li jekk ir-reputazzjoni ta’ Malta tittappan ma naqilgħux biss daqqa ta’ ħarta diplomatika, iżda anki waħda ekonomika li testendi fit-tul.
Sostna li l-kumpaniji li hawn f’Malta, speċjalment dawk tas-servizzi finanzjarji, tal-IT jew tal-ibbettjar fuq l-internet, li huma s-sinsla tal-ekonomija Maltija, faċilment jitilqu bħalma ġew jekk jissuspettaw li l-ambjent ekonomiku mhuwiex trasparenti.
Il-PD kien qed jirreaġixxi għar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li żaret Malta f’Diċembru li għadda, meta qal li jaqbel mas-suġġerimenti ppubblikati fl-abbozz.
Fost l-oħrajn, id-delegazzjoni talbet li l-Kummissarju tal-Pulizija jibda jkun maħtur minn entità indipendenti, u mhux jintgħażel mill-politiċi.
Irrakkomandaw ukoll li jkun hemm taqsimiet speċjalizzati kontra l-kriminalità finanzjarja, li l-midja ma tkunx monopolu tal-partiti politiċi, li l-ġudikatura tkun indipendenti u li jitneħħew il-libelli biex jintimidaw u jsikktu l-ġurnalisti investigattivi.
Il-PD temm jgħid li l-governanza tajba tfisser il-mira biex jintlaħaq il-ġid komuni, u dawn ir-riformi deskritti “essenzjali” huma kruċjali għas-suċċess ta’ Malta kemm lokalment imma anki internazzjonalment.