Id-djoċesi ta’ Orange, f’Kalifornja, fid-19 ta’ Diċembru li għadda ngħata rigal speċjali tal-Milied bil-ħatra ta’ isqof ġdid.
Raġel li kien daħal fil-pajjiż bħala refuġjat mill-Vjetnam fl-1973, issa inħatar Isqof Awżiljarju f’dan l-istat Amerikan.
L-Isqof Thanh Thai Nguyen, li llum għandu 64 sena, sar it-tieni saċerdot imwieled fil-Vjetnam li nħatar Isqof fl-Istati Uniti. L-ewwel wieħed, l-Isqof Dominic Loung li dam Isqof Awżiljarju fl-istess djoċesi  bejn l-2003 u l-2015, miet fl-età ta’ 77 sena ftit jiem biss qabel il-ħatra tal-isqof il-ġdid.
Ħafna kkummentaw li dawn iż-żewġ avvenimenti kienu fil-pjan ta’ Alla għal din id-djoċesi.
Waqt il-konsagrazzjoni tal-isqof il-ġdid, Mons. Kevin Vann, Arċisqof tal-istess djoċesi qallu: “Inti, kuljum se tkun id-dawl għal dawk li għandhom bżonn gwida u tama għax huma mdawra mid-dlamijiet ta’ żmienna u qed jippruvaw isibu t-triq lura lejn Alla”.
F’żgħożitu, l-Isqof Nguyen kellu jinterrompi l-vjaġġ reliġjuż tiegħu meta bħala seminarista kellu jaħrab minn pajjiżu u għamel 18-il ġurnata fuq dgħajsa, bla ikel u bla xorb, flimkien ma’ oħrajn li kienu qed jaħarbu mill-vjolenza tal-gwerra.  Hu u l-familja tiegħu kienu fost żewġ miljun refuġjat Vjetnamiżi li marru fl-Istati Uniti. Hawnhekk hu kompla bl-edukazzjoni u l-formazzjoni reliġjuża tiegħu.
Għalkemm ħadem għal xi żmien bħala għalliem tal-matematika f’Connecticut, fl-1984 ingħaqad mal-Missjunarji tal-Madonna ta’ La Salette u kien ordnat saċerdot fl-1991 u ħadem f’Georgia u fi Florida.
Uħud mill-parruċċani li issa jrid iservi, waslu fl-Istati Uniti bħala refuġjati bħalu mhux biss mill-Vjetnam imma wkoll minn pajjiżi tal-Amerika Latina, il-Filippini u l-Korea u naturalment oħrajn Amerikani.
Il-ħatra tal-Isqof Nguyen saret fi żmien meta s-sentiment kontra l-emigranti u r-refuġjati fl-Istati Uniti qed ikompli jikber filwaqt li l-amministrazzjoni tal-President Trump qed tadotta politika biex tnaqqas id-dħul tagħhom fil-pajjiżi u tkeċċi lil dawk li m'għandhomx dokumenti legali.
F’intervista li ta, l-Isqof Nguyen kien irrappurtat jgħid li “ninkuraġixxi lill-politiċi biex fid-deċiżjonijiet tagħhom jikkunsidraw l-istejjer tan-nies u jisimgħu l-istejjer tar-refuġjati b’qalb u b'moħħ miftuħ u jikkunsidraw dak li jgħaddu minnu. Il-ħajja tar-refuġjat hi mimlija b’kuraġġ u atti erojċi u għandhom jingħataw l-opportunità li jgħixu ta’ bnedmin kif kelli ċ-ċans nagħmel jien”.
Bħalissa id-djoċesi ta’ Orange imbarkat fuq proġett biex jinbena santwarju ddedikat lill-Madonna ta’ La Vang li jingħad li kienet dehret lin-nies f’dan ir-raħal fil-Vjetnam fl-1798, meta l-Insara kienu ppersegwitati.
Dan il-proġett li se jiswa $25 miljun kien ix-xewqa tal-Isqof Luong li miet f’Diċembru li għadda.