Il-Prim Ministru qal li l-Belt Valletta għaddejja minn metamorfożi, meta lbieraħ kien qed jitkellem waqt l-inawgurazzjoni tal-Funtana tat-Tritoni.
Joseph Muscat qal li din il-bidla qed isseħħ bi proġetti li saru minn din l-amministrazzjoni u ta’ qabilha, bħal Pjazza San Ġorġ, Pjazza Kastilja, Misraħ il-Ħelsien, il-Parlament il-ġdid, il-binja ġdida tal-Kunsill Lokali, u issa Pjazza Tritoni.
Irringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Belt għall-ħidma tiegħu u lill-Fondazzjoni Valletta 2018 li fi kliemu qed tkun prattika ħafna fil-mod ta’ kif tmexxi ’l quddiem il-ħidma ta’ kuljum.
Ma’ dan żied jgħid li jemmen li hemm argument b’saħħtu ħafna li din il-fondazzjoni ssir fuq bażi permanenti biex il-legat tas-sena 2018 jibqa’ jinħass.
Iddeskriva dal-proġett bħala tappa oħra fi vjaġġm li għadu mhux lest, meta rrefera għar-riġenerazzjoni fin-naħa t’isfel tal-belt.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg, u l-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi.
Mizzi rrimarka li dan il-proġett tal-pjazza sar permezz ta’ investiment kapitali ta’ €8.5 miljun li jikkumplimenta l-għan tal-Gvern li joħloq iżjed spazji miftuħa u pubbliċi f’Malta, u dwar ir-riġenerazzjoni tan-naħa t’isfel semma li hemm €24 miljun allokati minn fondi Ewropej.
Min-naħa tiegħu Borg qal li dan kien proġett importanti għall-ministeru tiegħu, u saħaq li l-fatt li dan kollu sar fi 300 ġurnata biss juri l-bżulija, is-serjetà u l-perseveranza tal-Maltin.
Ritratti: DOI – Jason Borg/Reuben Piscopo