It-tlett irġiel li ġew arrestati wara sejba ta’ 32 kilogramma kannabis ġo garaxx fil-Ħamrun ilbieraħ filgħaxija, ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest wara li quddiem il-Qorti wieġbu mhux ħatja.
Taljan ta’ 49 sena kien akkużat li ttraffika l-kannabis, importa u kellu fil-pussess tiegħu droga li ma kinitx għall-użu personali. Fil-garaxx instabu wkoll €42,000 fi flus kontanti u l-istess Taljan kien akkużat b’ħasil ta’ flus.
Skont il-prosekuzzjoni, ir-rejd sar wara li l-Pulizija daħlitilha informazzjoni li t-Taljan kien se jdaħħal ammont konsiderevoli ta’ droga.
Id-droga u l-flus instabu fil-vettura tal-istess akkużat.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-kbir għall-ħelsien mill-arrest tat-Taljan kemm għax l-akkużi huma gravi u anke għax l-akkużat ma jidhirx li jgħix Malta.
Il-Maġistrat Josette Demicoli qablet ma’ dak li qalet il-prosekuzzjoni u apparti minn hekk ordnat li jiġu ffriżati l-assi kollha tiegħu.
Il-Qorti tressqu wkoll iż-żewġ Maltin, raġel ta’ 45 sena mill-Mosta u ieħor ta’ 31 sena mill-Furjana.
It-tnejn li huma wieġbu  mhux ħatja li kienu kompliċi fit-traffikar tad-droga u attivitajiet marbuta mal-ħasil tal-flus.
Wieħed minnhom kien akkużat ukoll li kiser ordni tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor.
Iż-żewġt irġiel talbu l-ħelsien mill-arrest, liema talba ġiet miċħuda u ġew iffriżati wkoll l-assi tagħhom.