Il-UĦM Voice of the Workers qalet li lesta tagħlaq ftehim kollettiv mingħajr azzjoni industrijali, iżda dan jekk issib kooperazzjoni sħiħa mill- Fondazzjoni għas-Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) fi proċess li ma jtawwalx bla bżonn.
Bħalissa s-social workers fi ħdan l-FSWS qed isegwu direttivi mill-UĦM peress li l-Unjin tħoss li ma kienx hemm żviluppi dwar it-tiġdid tal-ftehim kollettiv tal-ħaddiema.
Ma’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-UĦM qal li l-Unjin ma raqditx fuq il-ħidma tagħha biex isir ftehim kollettiv ġdid. Spjega li l-Unjin ħadet sehem f’14-il laqgħa mal-FSWS matul l-2017. Bejn Jannar u l-31 ta’ Mejju saru 10 laqgħat filwaqt li l-bqija saru bejn il-31 ta’ Awwissu u Diċembru li għadda. Il-kelliem stqarr li kien hemm erba’ laqgħat oħra li ġew kanċellati. Żied jgħid li “l-UĦM kienet dejjem disposta u l-kanċellazzjonijiet li saru żgur li ma sarux minħabba din il-Unjin.”
Social workers li jaħdmu fi ħdan il-FSWS kienu qalu ma’ Newsbook.com.mt li għadd ta’ persuni, fosthom tfal, li jużaw is-servizzi tal-Fondazzjoni qed jiġu affettwati mill-azzjoni industrijali mill-impjegati tal-istess entità.
Dwar jekk sarx xi stħarriġ dwar x’impatt se jkollhom id-direttivi fuq il-klijenti tal-FSWS, il-UĦM qalet li “b’mod responsabbli, ħadet  ħsieb sabiex l-ewwel livell ta’ azzjonijiet industrijali li daħlu jkunu tal-inqas livell bl-inqas effett possibbli.”
LUnjin stqarret li ħadet ħsieb li s-servizzi ta’ emerġenza jibqgħu jitħaddmu. Saħqet li ma jeżistux direttivi li ma fihomx impatt “għax inkella ma jkunu xejn għajr direttivi kożmetiċi”.
F’risposta għal dak li rrapporta Newsbook.com.mt dwar x’qalu s-sorsi li tkellmu dwar is-sitwazzjoni kurrenti, l-FSWS kienet qalet li mhux minnu lanqas li naqsu l-professjonisti tal-FSWS. Newsbook.com.mt staqsa lill-Fondazzjoni dwar kemm hemm social workers jaħdmu magħha, però t-tweġiba b’dawn il-figuri qatt ma waslet. Minkejja li l-FSWS ikkuntatjat lil din il-kamra tal-aħbarijiet biex tassigura li r-risposta tal-Fondazzjoni għall-ewwel artiklu ġiet tidher, l-ebda waħda mid-domandi li ntbagħtu lil FSWS minn Newsbook.com.mt ma ġew imwieġba sal-ħin tal-pubblikazzjoni.
Mitluba għar-reazzjoni tagħhom dwar it-tweġiba tal-FSWS, is-sorsi ta’ Newsbook.com.mt baqgħu jinsistu li l-affarijiet ma kenux “business as usual” waqt il-perjodu tal-elezzjoni ġenerali kif allegat l-FSWS. L-istess sorsi tennew li m’hemm ħadd li jista’ jinnega li jeżisti “brain drain” fil-qasam tagħhom.