Skont il-Korp tal-Pulizija, għalkemm it-tipjip waqt is-sewqan huwa illegali, jekk wieħed jinqabad jagħmel dan mhux se jitnaqqsu punti minn fuq il-liċenzja, sakemm dak li jkun ma jkunx qed isuq b’mod traskurat waqt li jkun qed ipejjep.
Dan ħareġ minn messaġġ li rċeviet mara mill-paġna tal-Facebook tal-Pulizija wara li talbet kjarifika għad-dettalji kunfliġġenti li kienu qed jiċċirkolaw.

X’jiġifieri sewqan traskurat?
Skont il-Qorti, is-sewqan traskurat (negligent driving) hu kull forma ta’ sewqan li jiddipartixxi minn, jew li ma jilħaqx il-livell ta’ sewqan mistenni minn sewwieq raġonevoli, prudenti, kompetenti u ta’ esperjenza. Bħala regola, il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll in-non-osservanza tad-disposizzjonijiet tal-Highway Code li jaffetwaw il-mod jew il-kwalità ta’ sewqan ta’ dak li jkun, jammonta wkoll għal sewqan traskurat.
Għal xiex jitnaqqsu l-punti?
Jitnaqqsulek 2 punti jekk:

  • Użu ta’ brejkijiet, tyres jew steering difettużi

Jitnaqqsulek 3 punti jekk:

  • Tkun bla seatbelt

Jitnaqqsulek bejn 3 u 5 punti jekk:

  • Tibqa’ għaddej fuq traffic lights ħomor
  • Tibqa’ ħiereġ fuq stop

Jitnaqqsulek bejn 3 u 6 punti jekk:

  • Tuża l-mowbajl
  • Tkun liebes l-earphones

Jitnaqqsulek sa massimu ta’ 8 punti jekk:

  • Issuq bla assikurazzjoni tal-vettura

Jitnaqqsulek sa massimu ta’ 11-il punt jekk:

  • Issuq bi traskuraġni
  • Issuq taħt l-influwenza tal-alkoħol
  • Issuq taħt l-effett tad-droga

Wara li seta' ġie interpretat ħażin minn xi wħud meta kien qed jitkellem waqt programm fuq it-televixin, il-President tal-Police Officers' Union Sandro Camilleri ċċara li riċentament ma ddaħħlu l-ebda liġijiet ġodda dwar tipjip waqt is-sewqan, ħlief dik il-liġi li tipprojbixxi tipjip fil-karozza fil-preżenza tat-tfal.
L-Ispettur Camilleri qal li attivitajiet waqt is-sewqan li jistgħu jtellfu mill-konċentrazzjoni tas-sewwieq minn dejjem kienu illegali. Semma fost l-oħrajn l-ikel, ix-xorb u anke make up.