Il-produttur Taljan taċ-ċikkulata famuża Nutella, Ferrero SpA jinsab qrib li jakkwista n-negozju tal-ħelu tal-kumpanija Żvizzera Nestle SA. Dan il-ftehim mistenni jqarreb it-2.8 biljun dollaru Amerikan.
Dan il-ftehim hu mistenni li jiġi ffirmat fil-jiem li ġejjin. Tradizzjonalment, Ferrero kienet kumpanija li żammet lura minn xiri ta’ dan it-tip, iżda fl-aħħar xhur, it-tmexxija tagħha wriet intenzjoni li tifrex il-portafoll tagħha lil hinn mit-tliet pilastri ewlenin tagħha, jiġifieri l-krema tan-Nutella, il-ħelu Tic Tac u ċ-ċikkulati Ferrero Rocher.
Għall-kuntrarju, għal Nestle, li hija l-akbar kumpanija fid-dinja tal-ikel, dan huwa l-ewwel bejgħ ta’ ċertu daqs, u huwa pass inizjali biex il-kumpanija toħroġ minn ċertu setturi tal-ħelu.
Din il-mossa turi li Ferrero qed tfittex li tikseb parti akbar mis-suq Amerikan, li bħalissa jinsab ftit anqas minn 5%. Min-naħa tagħha, Nestle qed tippjana li tiffoka fuq kategoriji bħall-kafè u l-ikel tal-annimali, hekk kif l-industrija qed taffronta l-impatt ta’ tnaqqis fit-talba għall-prodotti li fihom iz-zokkor, partikolarment minħabba attenzjoni aktar għal dieta bilanċjata.
Nestle, li tipproduċi ċ-ċikkulata famuża KitKat, ħabbret dan is-sajf li kienet fi ħsiebha tikkunsidra li tbigħ din it-taqsima tal-ħelu, bl-intenzjoni li dan il-proċess ikun komplut fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.
Mal-ħruġ ta’ din l-aħbar, l-ishma ta’ Nestle niżlu marġinalment, filwaqt li Ferrero SpA hija kumpanija privata.
Il-proprjetà fl-Italja tkompli torħos
L-Italja baqgħet prattikament l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea fejn il-prezzijiet tal-proprjetà baqgħu neżlin. Aħbar xejn tajba għall-Partit Demokratiku fil-Gvern hekk kif it-titjib tal-ekonomija jidher li se jkun il-punt ewlieni li fuqu se jibbaża s-sejħa tiegħu għal mandat elettorali ieħor.
Iżda statistika ppubblikata fl-aħħar jiem turi li fit-tielet kwart tas-sena, il-prezzijiet tal-proprjetà komplew sejrin lura – aħbar li tħalli impatt f’pajjiż fejn aktar minn 70% tal-familji huma sidien ta’ darhom. Skont l-istħarriġ ta’ Eurobarometer, 80% tat-Taljani jħossu li s-sitwazzjoni ekonomika hi ħażina.
Biex tgħaxxaq, il-problemi fis-suq tal-proprjetà qed ikomplu jħallu impatt fuq is-sistema bankarja tal-pajjiż – li diġà hi mifnija bi problemi u li fir-realtà qatt ma ħarġet mill-kriżi finanzjarja tas-snin li għaddew. Filwaqt li sal-2011, il-persentaġġ ta’ bad loans mis-settur tal-proprjetà kien 29%, dan issa jlaħħaq livell ta’ 42%.
Skont il-Eurostat, l-Italja hija l-unika pajjiż fejn naqsu l-prezzijiet tal-proprjetà. Għall-kuntrarju, żewġ terzi tal-pajjiżi Ewropej qed jirreġistraw żidiet ta’ aktar minn 5%. Dan it-tnaqqis ilu għaddej mill-2007, u l-prezzijiet issa jinsabu 23% inqas mil-livelli ta’ 10 snin ilu, sitwazzjoni li sallbet lis-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà. Is-settur tal-kostruzzjoni ċkien bin-nofs sa mil-livelli qabel il-kriżi. 
Filwaqt li l-mexxej tal-Partit Demokratiku Matteo Renzi qed jagħmel minn kollox biex ifakkar lit-Taljani li taħt il-gvern tax-xellug kien hemm żieda fit-tkabbir ekonomiku, fil-flus fl-idejn u fil-ħolqien ta’ impjiegi, is-sitwazzjoni tas-suq tal-proprjetà tista’ tkun fattur importanti fid-daqqa finali għall-Gvern attwali.
Kelb virtwali għal €1,500
Il-kumpanija Ġappuniża Sony nediet verżjoni aġġornata tal-kelb ‘robotiku’ Aibo. Fit-tnedija li saret f’Las Vegas, intwera li Aibo issa jista’ jagħraf persuni differenti fl-istess familja, isib għadma u jiżfen.
Aido, li l-ewwel verżjoni tiegħu tnediet fl-aħħar tas-snin 90, jiswa madwar €1,500, u għalissa jinsab għall-bejgħ biss fil-Ġappun. S’issa Sony għadha ma qalitx meta se jkun disponibbli f’pajjiżi oħra. Huwa jifhem l-Ingliż u l-Ġappuniż, iżda aktar lingwi huma ppjanati għall-futur.
Filwaqt li Sony qed tinsisti li l-iskop tal-kelb huwa li jservi ta’ kumpanija speċjalment għal persuni li jinsabu waħidhom u anzjani, esperti tas-suq mhux jeskludu li eventwalment dan jista’ jsir kompetitur ta’ tagħmir smart ieħor bħal Echo ta’ Amazon u Google Home.
Sony kienet ħarġet diversi mudelli tal-kelb robotiku fil-bidu tas-snin 2000, iżda kienet waqqfet il-produzzjoni fis-sena 2006 hekk kif numru ta’ mudelli li jiswew inqas kienu bdew jieħdu parti kbira mis-suq. Issa jidher li Sony reġgħet lura bis-saħħa f’dan is-suq, bi pjan li tkompli tipproduċi mudelli aktar avvanzati fis-snin li ġejjin.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment