Birdlife Malta sostniet li fl-aħħar staġun tal-insib, ma kienx hawn infurzar tajjeb jew assenti għal kollox. 
Sostniet li dan in-nuqqas ta’ azzjoni nħass ukoll f’każijiet meta Birdlife stess ippreżentat evidenza lill-Pulizija, fosthom ħames bejjiegħa fil-Monti tal-Furjana li kienu qed ibiegħu għasafar tal-għana selvaġġi b’mod illegali. Birdlife qalet li l-bejjiegħa, li uħud minnhom huma sidien ta’ pet shops f’Għawdex, fil-passat kienu diġà tressqu fuq akkużi simili. 
Każijiet oħra li Birdlife Malta qalet li ressqet quddiem l-awtoritajiet fl-aħħar staġun tal-insib, fosthom dwar imnasab għall-għasafar tal-għana f’zoni protetti bħal wieħed maġenb it-tinda ewlenija fil-Buskett, li qalet suppost huwa santwarju tal-għasafar.
Każijiet oħra li ġew rappurtati mingħajr ma ttieħdet ebda azzjoni kienu dwar xbieki fix-Xlendi u f’Ta’ Ċenċ li t-tnejn huma siti ta’ Natura 2000.
Birdlife Malta sostniet li fid-dawl ta’ dan kollu qed tniedi kampanja bit-tema #STOPTRAPPINGNOW bil-għan li tqajjem aktar kuxjenza pubblika dwar l-impatt tal-insib illegali fuq l-għasafar.
Ritratt: Birdlife Malta