L-Unjin Ħaddiema Maqgħudin Voice of the Workers (UĦM) uriet it-tħassib tagħha dwar il-proċess ta’ impjieg mill-ġdid li qed jolqot il-gwardjani lokali li preżentament jaħdmu mal-kumpanija G4S. 
Il-UĦM fi stqarrija qalet li ħadet il-passi meħtieġa biex tindirizza dak li qed issejjaħ inġustizzja hekk kif gwardjani lokali li huma mħaddma mill-G4S qed ikollhom japplikaw direttament mal-LESA għall-istess xogħol. 
Dan iffisser li dawk li ilhom 10 snin jaħdmu mal-G4S u li issa saru tal-post, qed jitilfu s-senjorità tagħhom hekk kif qed ikollhom jerġgħu japplikaw mill-ġdid, u se jkollhom jgħaddu minn perjodu ta’ prova.
L-unjin irrapurtat dan lid-Direttur tax-Xogħol, kif ukoll kitbet separatament lill-G4S u lil-LESA. 
Ikkwotat ukoll minn leġiżlazzjoni sussidjarja li tgħid li l-ħaddiema suppost ġew assorbiti mil-LESA permezz ta’ trasferiment ta’ negozju, fejn il-kundizzjonijiet jibqgħu l-istess.  
Il-UĦM mhix l-unjin rikonoxxuta mal-gwardjani lokali imma sosniet li se tibqa’ tirrappreżenta lill-membri tagħha, u temmet tgħid li qed tilqa’ kull talba mill-impjegati milquta b’din is-sitwazzjoni.