L-impjant f’Ta’ Kandja mhux se jibqa’ juża kloru biex jiddiżinfetta
Il-faċilitajiet tal-ippumpjar tal-ilma f’Ta Kandja sarilhom investiment ta’ €332,000 biex b’hekk sar titjib fil-makkinarju. 
L-ispiża fil-makkinarju laħqet is-somma ta’ €195,000, filwaqt li l-ispiża fuq il-manutenzjoni estensiva fuq il-lift li jwasslek sal-livell tal-galleriji li jinsabu sa 100 metru taħt l-art f’Ta Kandja laħqet l-€137,000. 
Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għandha tlettax-il stazzjon tal-ippumpjar li minnhom jittella’ l-ilma minn taħt l-art, liema ilma jiġi mħallat mal-ilma li jiġi prodott mill-impjanti ta’ desalinazzjoni. 
Qabel jitqassam għand il-konsumatur l-ilma jiġi diżinfettat bil-kloru.
Bl-investiment il-ġdid, qed tiġi implimentata teknoloġija ġdida li tuża kurrent tad-dawl u l-melħ li jinstab naturali fl-ilma tal-pjan flok il-kloru biex issir id-diżinfettament. 
L-eliminazzjoni tal-użu tal-kloru tassigura metodu iktar sigur għad-diżinfettament tal-ilma. 
Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, fiż-żjara li għamel lill-ħaddiema tal-Korporazzjoni qal li r-riżultati kienu tajbin ħafna. 
Il-Korporazzjoni qed tistudja l-possibilità li din it-teknoloġija tiġi applikata fis-sorsi l-oħra.
Ritratt: DOI – Charles Zammit