L-Iran qal li l-Istati Uniti qabżet kull limitu, meta fl-aħħar mossa tagħha ssanzjonat lill-Kap tal-Ġudikatura tal-pajjiż, l-Ayatollah Sadiq Amoli-Larijani.
Fl-aħħar jumejn it-tensjoni bejn iż-żewġ pajjiżi ma kinitx xi waħda pjaċevoli, wara li l-President Donald Trump ħabbar li se japprova l-ftehim nukleari mal-Iran għall-aħħar darba.
Il-ftehim storiku kien ġie maqbul bejn l-Iran u sitt qawwiet dinjija fl-2015, u fih l-Iran kien qabel li jnaqqas l-attività u l-istudji bl-uranju sabiex ma jkollux il-materjal essenzjali biex jipproduċi bombi nukleari.
Bħala rikonoxximent talli l-Iran qabel li jagħmel dan, l-Istati Uniti kienet neħħiet sanzjonijiet relatati wkoll ma’ theddid nukleari, li kienu ilhom hemm għexieren ta’ snin.
Biex dawn is-sanzjonijiet jibqgħu sospiżi l-President tal-Istati Uniti jrid jiffirma kull 120 ġurnata, iżda issa qal li mhux se jagħmilha.
Iżda barra dan l-Istati Uniti imponiet sanzjonijiet separati fuq 14-il individwu u entitajiet Iranjani minħabba akkużi ta’ abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, ċensura u tixrid ta’ armi.
Wieħed minnhom huwa Amoli-Larijani, li l-Istati Unit qed takkuża b’tortura u trattament diżuman ta’ priġunieri fl-Iran.
Il-ftehim dwar l-uranju kellu jibqa’ jgħodd sal-2025, iżda l-Iran argumenta li dawn is-sanzjonijiet separati li m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-ftehim nukleari wasslu biex tinqata’ għajnuna finanzjarja li l-ftehim tal-2015 kien assigura.
Min-naħa tiegħu l-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin ħalef li jirritalja, iżda ma tax aktar spjegazzjoni.