Waqt Quddiesa għall-koppji li se jiżżewġu din is-sena, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna offra l-pariri tiegħu, bħal kif il-koppji m’għandhomx iħallu lit-tieġ tagħhom inessihom iż-żwieġ innifsu.
Waqt l-omelija tiegħu, Mons. Scicluna spjega kif għalkemm huwa importanti wkoll, it-tieġ  jiġi u jmur. Min-naħa l-oħra ż-żwieġ qiegħed hemm biex jibqa’.
B’referenza għall-Ewwel Qari li kien jitratta s-sejħa tat-tfajjel Samuel minn Alla, l-Arċisqof qal li fiż-żwieġ il-mara u r-raġel iridu jagħmlu sforz biex jisimgħu lil xulxin. Qal li hemm bżonn li fiż-żwieġ wieħed irid isib ħin għall-maħbub tiegħu. Fisser li wieħed għandu jisma’ wkoll b’qalbu u mhux biss jisma’ il-kliem.
Waqt il-Quddiesa, l-Arċisqof irrefera għall-kliem tal-Papa Franġisku li qal li huwa importanti li wieħed isib ħin ta’ kwalità biex wieħed jisma’ bl-attenzjoni dak li jkun qed jgħid ħaddieħor. Stqarr li ħafna drabi wieħed ma jkollux il-paċenzja jisma’ dak kollu li xi ħadd ikollu xi jgħid. Meta jiġri dan issir interruzzjoni minn min suppost qed jisma’.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof sostna li l-użu ħażin tas-sesswalità m’għandux ikollu post fiż-żwieġ. Madanakollu, għamilha ċara li dan ma jfissirx li s-sess m’għandux ikun parti miż-żwieġ. Anzi, l-Ariċisqof spjega li s-sess huwa barka fil-vokazzjoni taż-żwieġ li permezz tiegħu wieħed jista’ jesprimi l-imħabba. Żied jgħid li permezz ta’ dan l-att, koppja jista’ jkollha wkoll id-don tal-ulied. Mons. Scicluna qal li l-użu ħażin tas-sesswalità tinkludi fiha l-egoiżmu u l-vjolenza.
Fil-fehma tal-Arċisqof Scicluna, is-silta tal-Evanġelju tal-lum kien forma ta’ dizzjunarju ċkejken għall-Insara. Fisser kif il-kelma “rabbi” tfisser “Imgħallem”, wieħed mit-titli ta’ Ġesù. Qal li l-kliem “messiah” u “Kristu” ifissru “il-midluk tal-Mulej”. Dwar il-kelma “ħaruf”, Mons. Scicluna fisser li din tista’ tirreferi għal Ġesù bħala l-Iben ta’ Alla kif ukoll bħala qaddej. Huwa spjega kif iż-żwieġ jorbot lil żewġ persuni biex ikunu qaddejja ta’ xulxin f’imħabba ta’ servizz.
Il-Quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ġiet organizzata mill-Moviment ta’ Kana.
Tista' tara aktar ritratti meħudin illum hawn.