Raġel li kien instab ħati li kien fil-pussess ta’ oġġetti misruqin illum qal li gideb fil-Qorti dwar Maġistrat biex jipprova jsalva r-relazzjoni ma’ martu.
F’Lulju tal-2016, ir-raġel kien instab ħati talli kien fil-pussess ta’ xi oġġetti misruqa. Ta’ dan huwa ġie ordnat jagħmel xogħol ta’ servizz fil-komunità. Huwa allega fil-Qorti li bħala parti mis-sentenza tiegħu kien għamel xi xogħol fid-dar tal-Maġistrat Joe Mifsud.
Illum huwa rtira l-allegazzjoni tiegħu u qal li kien gideb biex jipprova jsalva r-relazzjoni li kellu mat-tieni mara tiegħu.
F’Novembru li għadda, raġel Żvediż kien qal li l-Maġistrat Mifsud u l-akkużat kienu joqogħdu fl-istess triq. Qal ukoll li l-mara tal-akkużat kienet qaltlu li wara li tkellem mal-Maġistrat Mifsud, l-akkużat kien se jaħdem nofs l-ammont tal-ħin li kien ingħata fis-sentenza. Il-Qorti ddeċidiet li fid-dawl ta’ dawn l-allegazzjonijiet, kienet se titlob lill-akkużat u lill-Maġistrat biex jagħtu l-verżjonijiet tagħhom.
Malli l-akkużat intalab jispjega ruħu, qal li dawn l-allegazzjonijiet kienu foloz. Stqarr li jiddispjaċih għall-Maġistrat li ma kellu xejn x'jaqsam mal-inkwiet li nqala’. Min-naħa tiegħu l-Maġistrat ikkonferma li l-allegazzjonijiet kienu foloz u li l-unika intenzjoni tagħhom kienu biex ikissru r-reputazzjoni tiegħu.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ fit-2 ta’ Marzu.