Id-deċiżjoni tal-Ministru Konrad Mizzi li jmur jiċċelebra ġo bar f'Ghawdex ftit wara li Kumitat tal-Parlament Ewropew talab li jitkeċċa, qajmet kontroversja fuq il-midja soċjali. 
Uħud, fuq gruppi tal-Whatsapp u anke ġurnalisti fuq Twitter qed iqisu dan bħala aġir mhux mistenni minn Ministru, li fi kliemhom messu jgħatti wiċċu bil-mistħija wara li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għadha kif irrakkomandat li jitneħħa mill-poter, minħabba li ssemma fl-iskandlu tal-Panama Papers.
Mill-banda l-oħra dak li għamel Il-Ministru hu konsistenti ma' dak li qal ilbieraħ mal-ġurnalisti. Dr Mizzi sejjaħ ir-rapport tad-delegazzjoni Ewropea, bħala “spin mill-Membru Ewroparlamentari David Casa”.  
Wara l-inawgurazzjoni tal-Funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta, ukoll ilbieraħ filgħaxija, Dr Mizzi rħielha għal Għawdex, fejn attenda għat-tnedija ta’ boutique hotel u mbagħad mar jixrob f’bar ieħor.
Hemmhekk ittieħdu diversi stessi mal-Ministru Mizzi, li eventwalment ittellgħu fuq il-mezzi soċjali, partikolarment fuq Facebook u Instagram.