Il-Partit Demokratiku jrid li jittieħdu passi kriminali kontra l-Awtorità tal-Ippjanar, għax fi kliemu ma pproteġietx Villa Sant’Injazju.
Villa Sant’Injazju, li tinsab fi Triq Scicluna f’San Ġiljan, tifforma parti minn binja akbar li serviet bħala l-ewwel Kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Malta, liema binja tissemma f’dokumenti li jmorru lura sal-1839 bħala binja importanti.
Ix-xahar li għadda xi ħaddiema ntlemħu jwaqqgħu parti mill-istruttura ta' dil-binja, mingħajr ħsieb ta' xejn, lanqas għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.
Jidher li dakinhar xi uffiċjali tal-PA żaru l-post u talbu lill-ħaddiema jieqfu minn dak li kienu qed jagħmlu, iżda wara ftit li l-uffiċjali telqu, ix-xogħol issokta.
Dakinhar il-PD talab għall-ġustizzja, u enfasizza li l-għaqdiet mhux governattivi kollha, ir-residenti, is-soċjetà ċivili u l-politiċi ta’ kuxjenza  għandhom jibagħtu messaġġ ċar kontra t-tkasbir tal-wirt Malti.
Anki l-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent kienet qalet tagħha dwar dan.
Sadanittant ilbieraħ il-Partit tal-Oranġjo sostna li l-PA ħalliet dan il-vandaliżmu jsir à skapitu tal-iżvilupp, u allura trid li min ħalla dan iseħħ jiġi pproċessat kriminalment.
Itemm jikkwota minn Kapitlu 2 tal-Kostituzzjoni Maltija li jgħid li l-Istat għandu jissalvagwardja l-wirt storiku u artistiku tan-nazzjoni.