Rapport maħruġ minn Freedom House dwar l-istat tad-demokrazija madwar id-dinja jindika biċ-ċar li bosta pajjiżi għaddejja minn kriżi serja fl-ambjent demokratiku.
Din  il-kriżi jidher li ma qabżitx lill-Malta li, mis-sena l-oħra ‘l hawn, kif juru ċ-ċifri riprodotti ma dan ir-rapport, Malta tilfet 16-il post fil-kategorija ta’ liema pajjiż għandu l-aktar ambjent demokratiku u l-aħjar libertajiet ċivili.
Skont ir-rapport tal-2017 Malta kienet fis-17-il post internazzjonalment filwaqt li din is-sena niżlet għat-33 post. Sas-sena li għaddiet, Malta kienet meqjusa saħansitra aħjar mill-iŻvizzera, l-Awstrija u l-Ingilterra fil-qasam demokratiku.
Din is-sena, dawn il-pajjiżi mhux biss għaddew sew lil Malta iżda għaddewha ukoll pajjiżi bħal Taiwan, ir-Repubblika Dominikana u ċ-Ċilì. Malta naqqset erba' punti komplessivament iżda dawn swewlha 16-il post fil-lista tal-pajjiżi l-aktar ħielsa.
Freedom House kellha kritika ħarxa għall-Istati Uniti, hekk kif skont dan ir-rapport qiegħda dejjem tnaqqas il-livell demokratiku u l-libertajiet ċivili tagħha b’pass aktar mgħaġġel.
Skont Freedom House, mill-2006 sal-lum 113-il pajjiż raw tnaqqis fil-livelli ta’ demokrazija u 62 raw titjib. Ir-rapport jgħid li tul dawn l-aħħar għaxar snin, id-drittijiet politiċi u ċivili tnaqqru globalment u d-dinja qed tgħaddi minn perjodi ta’ mexxejja awtokratiċi bi tnaqqir ta’ valuri u ħelsien tal-espressjoni, tal-media u tas-saltna tad-dritt. 25 sena wara it-tmiem tal-gwerra bierda u l-waqa’ ta’ stati totalitarji qawwijja, id-demokrazija hija mhedda serjament f’pajjiżi bħat-Turkija u l-Ungerija.