Fit-tieni jum taż-żjara tiegħu fiċ-Ċilì, il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ wħud mill-vittmi ta’ abbużi sesswali mwettqa minn saċerdoti u beka u talab magħhom.
Greg Burke, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan qal li l-laqgħa kienet strettament privata u għaliha ma attenda ħadd ħlief il-Papa u l-vittmi.
Fi stqarrija ntqal li l-Papa Franġisku esprima d-dulur tiegħu għal dawn l-atti li jinvolvu wkoll lill-Knisja fiċ-Ċilì.
F’diskors li għamel fl-ewwel jum taż-żjara tiegħu, il-Papa tkellem dwar “il-ħtieġa li nisimgħu lit-tfal li jaraw id-dinja mill-għajnejn tagħhom mimlija stagħġib u innoċenza u jistennew minnha tweġibiet reali għall-futur b’dinjità.
"Hawnhekk ma nistax ma nesprimix il-weġgħa u l-mistħija li nħoss għall-ħsara irreparabbli kkaġunata lil dawn it-tfal minn ministri tal-Knisja. Nixtieq ningħaqad ma' ħuti l-Isqfijiet għax hu sew li nitolbu maħfra u noffru appoġġ lil dawn il-vittmi bis-saħħa tagħna kollha filwaqt li nimpenjaw ruħna biex nassiguraw li affarijiet bħal dawn ma jerġgħux jiġru”, qal il-Papa.