Il-grupp Awturi ta’ Malta Ġdida talbu lill-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, biex jiftaħ inkjesta dwar il-privatizzazzjoni tas-settur tas-saħħa f'Malta u Għawdex, wara li aktar kmieni llum l-Awditur Ġenerali laqa’ talba biex jiġi investigat in-negozju tal-isptarijiet mal-Vital Global Healthcare.
It-talba kienet saret mill-Partit Nazzjonalista, meta permezz tal-membri tagħha fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi, ressqet talba formali lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga dan it-trasferiment u jġib ċarezza dwar kif saru l-affarijiet.
Min-naħa tagħhom Awturi ta’ Malta Ġdida qalu li jirrikonoxxu l-fatt li mhux Fearne kien li ffirma l-kuntratt, imma enfasizzaw li jifhmu wkoll li huwa Fearne, fl-irwol uffiċjali tiegħu, li għandu l-aktar saħħa politika li jirranġa l-ħsara qabel ma ssir permanenti.
Appellaw lill-Ministru biex jieħu passi legali kontra l-VGH abbażi tal-kuntratt miksur bejn il-Ministeru u l-kumpanija, iwaqqaf il-ftehim bejn VGH u Steward Healtcare u jsejjaħ inkjesta indipendenti fil-ftehim oriġinali mal-VGH kif ġie iffirmat mill-Ministru Konrad Mizzi.
“It-talba tal-PN ġiet tard” – PL
Il-Partit Laburista rreaġixxa wkoll għad-deċiżjoni tal-Awditur Ġenerali, meta qal li l-Gvern m’għandux x’jaħbi dwar dan in-negozju.
Spjega li l-Ministru Fearne kien diġà għamel talba simili għal dik tal-PN fl-2016 biex l-Awditur Ġenerali jibda investigazzjoni fuq il-bejgħ lill-VGH.
Għalhekk temm jgħid li t-talba tal-PN fil-verità ġiet tard.
“Għandna raġun nitħassbu” – PN
Il-Partit Nazzjonalista kompla jgħid li l-fatt li l-Awditur Ġenerali laqa’ t-talba tagħhom hu ġustifikazzjoni biżżejjed biex jinkwetaw fuq dan l-innegozjar.
Staqsa jekk il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals kienx jirrapreżenta valur għal flus in-nies.
“Mażżra m’għonq il-qasam tas-saħħa f’Malta” – PD
Il-Partit Demokratiku wkoll qal tiegħu, meta rrimarka li fid-dawl ta’ aktar informazzjoni li ħarġet dwar il-ftehim tal-Gvern mal-Vitals, jirriżulta li skonthom intrabtet mażżra m’għonq is-servizz tas-saħħa f’Malta.
Irrimarkaw li wara li ħareġ fil-midja li l-kontenut tat-tliet sptarijiet inbiegħ lil Vitals għal ewro biss, issa biex il-poplu jerġa’ jieħu tnejn mit-tliet sptarijiet irid iħallas lill-VGH €80 miljun.
Il-PD temm jgħid li dan kollu qed jindika li s-settur tas-saħħa f’Malta ħa daqqa ta’ ħarta tajba b’dan id-deal, u se jbatu l-ġenerazzjonijiet li jmiss minħabba f’hekk.
Jitlob biex bħalma kien għal mijiet ta’ snin, is-servizz tas-saħħa jkun tal-Maltin u jmexxuh huma.