Patri Tony Mifsud, Ġiżwita li jaqdi l-missjoni tiegħu fiċ-Ċili, qal li l-Knisja setgħet kienet aktar miftuħa u laqgħet aħjar lil dawk li rrappurtaw każijiet ta’ abbuż sesswali minn membri tal-kleru.
Dawn il-każijiet ta’ abbuż sesswali minn saċerdoti kienu fiċ-ċentru taż-żjara li l-Papa qiegħed jagħmel fiċ-Ċili tant li kien hemm diversi protesti vjolenti qabel il-wasla tal-Papa.
Fl-ewwel diskors tiegħu fiċ-Ċili, il-Papa talab skuża f’isem il-Knisja u anke ltaqa’ mal-vittmi.
Waqt intervista fuq is-sit agensir.it, Patri Tony Mifsud spjega kif uħud mis-saċerdoti li ġew akkużati u nstabu ħatja ta’ abbuż sesswali fuq il-minuri, kienu fost l-aktar magħrufa tal-pajjiż u dan heżżeż sewwa l-Knisja Kattolika f’dan il-pajjiż.
Kien hawn li insista li s-sitwazzjoni li qed isib il-Papa Franġisku hija ħafna aktar differenti minn dik li sab il-Papa Ġwanni Pawlu ll meta żar dan il-pajjiż fit-tmeninijiet.
Fi kliemu, il-Knisja tilfet il-kredibilità tagħha dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kredibilità u kkritika l-fatt li l-pożizzjoni tal-Knisja kienet waħda ta’ difiża u mhux ta’ akkoljenza.
Ikkritika wkoll il-fatt li kien hemm nuqqas ta’ trasparenza li fi kliemu falliet milli tingħeleb il-mentalità li tgħid li “l-ħwejjeġ maħmuġin ma għandhomx jitperrċu fil-pubbliku.”
Kienu ħafna dawk li ħaduha kontra l-Knisja u l-Papa Franġisku wara l-ħatra tal-Isqof Juan Barros li kien viċin ħafna ta’ wieħed mis-saċerdoti ewlenin misjub ħati b’abbuż sesswali fuq il-minuri.
Mistoqsi x’qiegħed jistenna mill-Papa, Patri Tony Mifsud qal li fiċ-Ċili l-Papa se jsib sitwazzjoni ta’ korruzzjoni, każijiet ta’ abbuż sesswali, ħasil ta’ flus, sekularizzazzjoni, kriżijiet istituzzjonali u nuqqas ta’ kredibilità fil-Knisja.
Kien għalhekk li saħaq li jistenna lill-Papa biex bi kliemu jiddefendi d-drittijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, iwassal messaġġ ta’ tama bbażata fuq il-fidi li iżda ma tinjorax id-diffikultajiet taċ-Ċileni.
Qal li jistenna wkoll li bi kliemu l-Papa jappella liċ-Ċileni biex jifhmu u jilqgħu lill-mijiet ta’ immigranti li jaslu fil-pajjiż u jġiegħel lill-pajjiż jirrifletti fuq is-sena veru tal-ħajja u l-proklamazzjoni tal-Ħniena ta’ Alla minn Ġesu nnifsu.