Fid-dinja, kull tliet sekondi, jiġi rrappurtat każ ta’ dimensja u sal-2050, huwa stmat li aktar minn 3% tal-popolazzjoni Maltija ser titlaqat mid-dimensja.
Dan qalu l-Professur Charles Scerri waqt konferenza li matulha s- Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva waqqaf Kumitat Nazzjonali ta’ Ħidma fuq id-Dimensja.
Il-Kumitat ser ikun immexxi mill-Professur Scerri li spjega kif se jaħdem bla waqfien fuq iż-żieda fl-għarfien dwar id-dimenzja, dijanjożi f’waqtha, taħriġ, kura u mmaniġġjar, approċċ etiku u riċerka sabiex inkunu ppreparati għall-futur.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, stqarr kif minħabba li d-dimensja saret sfida sinjifikanti, il-Gvern nieda l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja, bl-għan li jindirizza l-aspetti varji tad-dimensja.
Semma inizjattivi varji, fosthom it-twaqqif ta’ Multi-Disciplinary Dementia Intervention Team li qed jassisti l-individwi bid-dimensja fil-komunità u nfetaħ ukoll ċentru tad-dimensja ġdid f’Għajnsielem Għawdex.
L-għan tal-Kumitat Nazzjonali ta’ Ħidma fuq id-dimenzja huwa li jlaqqa’ individwi professjonisti f’dan il-qasam biex l-azzjonijiet imniżżla fl-Istrateġija tad-Dimensja jseħħu fil-konkret u anke biex jara x’inhuma l-bżonnijiet tal-individwi bid-dimensja, ta’ dawk li jagħtuhom il-kura u tal-qraba tagħhom.