Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li huwa ċar li jeżistu problemi fil-governanza tal-pajjiż u fil-kontrolli fuq il-korruzzjoni iżda saħaq li l-investigazzjoni tal-Parlament Ewropew f’Malta ma kinitx kredibbli mill-bidu sal-aħħar.
Dr Sant saħaq li l-ħidma tad-delegazzjoni, li ppubblikat ir-rapport tagħha l-ġimgħa li għaddiet, kienet nieqsa mill-kriterji kollha li fi kliemu jagħmlu l-eżerċizzju kredibbli.
Waqt li ammetta li “jeżistu problemi fil-governanza tal-pajjiż u fil-kontrolli fuq il-korruzzjoni,” Dr Sant iddeskriva bħala “redikolaġni,” l-fatt li dawn jiġu ffaċċjati “bil-proċeduri tal-Parlament kif maħduma biż-żjara tad-delegazzjoni.
Huwa qal li l-membri tad-delegazzjoni assumew ir-rwol ta’ investigatur, xhud, prosekutur, ġurija u imħallef u innota kif ħafna minnhom kienu ilhom protagonisti tal-kritika kontra Malta.
“Il-preżenza fosthom ta’ David Casa kien xempju tal-istil okkult li bih organizzaw xogħolhom,” saħaq Dr Sant u kkritika wkoll il-kwalità tan-nies li ltaqgħu magħhom, anke dwar mis-Soċjetà Ċivili.
L-Ewroparlamentari qal li d-delegazzjoni qajmet mistoqsijiet importanti għal pajjiżna, imma saħaq li qabilhom qajmuhom kummentaturi u kelliema minn diversi sezzjonijiet, xellug u lemin.
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-abbozz tar-rapport hija li “għandhom jitneħħew mir-rwol pubbliku u jiġu investigati, il-politiċi mdaħħla f'dawk li d-delegazzjoni sejħet atti serji ta' korruzzjoni u ħasil tal-flus b'rabtiet mal-Panama Papers u r-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU).
L-ewwel reazzjoni tal-Prim Ministru għal dan ir-rapport kien li d-deċiżjonijiet jeħodhom il-Gvern Malti u insista li minnu ma ħareġ xejn ġdid, ħlief li Maria Efimova ma kinitx is-sors oriġinali tal-każ Egrant.
Il-Ministru Konrad Mizzi ddeskrivih bħala spin.
Fuq RTK, Id-Deputat Dekan tal-Fakultà għall-Ekonomija, il-Managment u l-Accountancy, Dr George Vital Zammit qal li meta tipprova tirriduċi għal spin (interpretazzjoni preġudikata)rapport bħal dak ippubblikat din il-ġimgħa mill-Parlament Ewropew, x’aktarx tkun qed taqa’ fid-difiża għax ma jkollokx argumenti aħjar biex tiġġieled dak ir-rapport.