Kmieni dalgħodu miet l-Isqof Silvestru Magro, li serva bħala Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja bejn l-1997 u l-2016.
Monsinjur Magro, li kellu 76 sena, jibqa’ magħruf għall-umiltà tiegħu u għad-determinazzjoni tiegħu, meta għażel li jibqa’ mal-poplu Libjan anke fl-aktar żminijiet diffiċli u perikolużi.
Fi Frar tal-2006 il-knisja u d-dar tal-Isqof Magro ġew attakkati, misruqa u ngħataw in-nar
L-Isqof Magro huwa t-tielet Isqof Malti li miet f’inqas minn xahar wara  l-mewt tal-Isqof Adeodato Micallef u ftit warajh tal-Isqof Emmanuel Barbara li l-funeral tiegħu se jsir nhar is-Sibt 27 ta’ Jannar fil-Katidral tal-Imdina.
Mons. Magro, twieled ir-Rabat fl-14 ta’ frar 1941 u ngħaqad mal-Patrijiet Franġiskani fl-1957.
Hu pprofessa fl-1962 u kien ordnat saċerdot fl-1966. Huwa kompla l-istudji tiegħu fl-Università Pontificja Antonianum u f’dik tal-Lateran f’Ruma fejn ħa d-dottorat fit-teoloġija dommatika u fit-teoloġija pastorali.
Fl-1982 inħatar kappillan tal-Parroċċa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema. Fl-1988 huwa ngħaqad fil-missjoni Franġiskana tal-provinċja ta’ Milan fil-Libja, li aktar tard f’Mejju tal-1991 għaddiet f’idejn il-provinċja Maltija
Fl-istess żmien hu nħatar Vigarju Ġenerali tal-Isqof Giovanni Martinelli u fl-istess żmien serva bħala kappillan tal-komunità Kattolika Maltija u tal-komunitajiet kattoliċi li jitkellmu bl-Ingliż.
Fl-1997 huwa inħatar Isqof ta’ Salde u Vigarju Appostoliku ta’ Bengażi fil-Libja.
Fll-2002, Mons. Magro ingħata ‘The cross of the Equestrian Order of Merit’ mill-President Pollakk, għall-ħidma tiegħu fost il-komunità Kattolika Pollakka fil-Libja. 
Għal dawn l-aħħar xhur, huwa kien irtira fil-Kuvent tal-Franġiskani tar-Rabat, biswit il-knisja li fiha trabba.
Dettalji dwar il-funeral tal-Isqof Magro
Il-funeral tal-Isqof Magro se jsir nhar it-Tnejn li ġej fil-Katidral tal-Imdina.
Għada, il-Ħadd, fit-8:30am, se jitlaq korteo funebri mill-Isptar Mater Dei għal fuq is-Saqqajja fejn minn hemm il-korteo se jkun akkumpanjat mill-Banda L'Isle Adam u mill-Banda Sliema. Dan jintemm quddiem il-kunvent tal-Franġiskani Minuri.
L-għada, it-Tnejn, fid-9:30 se jitlaq korteo mill-kunvent għall-Katdiral tal-Imdina fejn fl-10:00am tibda quddiesa presente cadavere immexxija mill-Arċisqof Charles Scicluna 
Id-difna se ssir fil-Kappella ta’ l-istess Provincja fiċ-Ċimiterju ta’ Marija Addolorata.