Żewġ gowls skorjati fl-ewwel parti tal-logħba kontra s-Senglea Gunners ġabu l-ħames rebħa staġjonali għall-Marsa.
Il-logħba li ttemmet bi skor ta’ 2-0 u wasslithom biex jilħqu lil Valletta St Pauls fil-quċċata, għalkemm b’logħba aktar.
Matul tmiem il-ġimgħa ntlagħbu tliet logħbiet waħda mill-Ewwel Diviżjoni, oħra mit-Tieni Diviżjoni kif ukoll mir-rawnd preliminari tan-KO fejn Marsa, Tal-Qroqq Versity u Valletta St Pauls kisbu dak li verament riedu minn dawn il-partiti rispettivi.
Marsa mal-ewwel marru fuq l-attakk bl-intenzjoni illi jiksbu r-rebħa u rnexxielhom jagħmlu dan kmieni fil-partita meta fis-seba’ minuta wara azzjoni veloċi, Mario Gaspar Fama skorja l-ewwel gowl.
Senglea ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda reġgħu kienu l-Marsa illi skorjaw wara azzjoni ta’ Christian Cutajar.
Fit-tieni taqsima, il-logħba kkalmat xi ftit b’Marsa jikkontrollaw tajjeb ir-reazzjoni tal-Gunners sabiex joħorġu bis-suċċess finali.
F’partita mit-Tieni Diviżjoni, Tal-Qroqq Versity ikkonfermaw il-kampjonat pożittiv illi għaddejjin minnu meta mingħajr ebda diffikulta’ b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 2-0.
L-attakkant żagħżugħ tal-Versity Gilmour Carabott kien l-eroj ta’ din il-partita meta skorja doppjetta sabiex witta t-triq għat-tielet rebħa staġjonali.
Valletta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-0 sabiex kisbu passaġġ komdu għal rawnd ieħor tal-MAFA Knock-Out.
Il-Beltin stabilixxew vantaġġ ta’ 2-0 fl-ewwel nofs siegħa logħob sabiex imbagħad setgħu jamministaw il-kumplament tal-partita.
Klassifika tal-ewwel diviżjoni:
Valletta St Pauls, Marsa St Michael 12, Senglea Gunners, Valletta Stars 7, Sta Lucia Falcons u Fleur de Lys CFK 1.
Klassifika tat-tieni diviżjoni:
San Ġiljan Saints 15, Qormi Hotspurs 12, Tal-Qroqq Versity 9, Mqabba Albions,Mosta Vikings u Naxxar Victorians 2.