Wara r-restawr li sar fuq il-funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta, ġiet installata sistema awtomatika li tirregola kif tiffunzjona l-funtana skont il-qawwa tar-riħ.
Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Ministeru tal-Infrastruttura, wara li bosta staqsew għaliex il-funtana “kienet bla ilma”. 
Il-kelliema qalet li s-sistemi tad-dawl u tal-ilma tal-funtana ġew iddisinjati sabiex jagħtu l-aħjar dehra lill-funtana, mingħajr ma jkunu ta’ inkonvenjent għall-pubbliku.
Kompliet tgħid kif f’dawn l-aħħar ġranet ir-riħ kien qawwi ħafna u għalhekk ma ppermettiex li l-ġettijiet tal-ilma jaħdmu kif suppost. Għaldaqstant, l-ilma xorta kien ħiereġ min-nozzles ta’ fuq il-weraq imnaqqxa fit-tavertin.
Spjegat kif fil-passat kien hemm bosta lmenti mill-pubbliku meta r-riħ jibda jtajjar raxx ta’ ilma mill-funtana għal fuq in-nies.
Il-kelliema sostniet li ġie deċiż li l-aspetti varji tal-ilma tal-funtana jitħaddmu f’erba’ modi minn sistema awtomatika, skont il-qawwa tar-riħ:

  1. Fi ġranet mingħajr riħ, jitħaddmu l-aspetti kollha tal-ilma u l-koppla tal-ilma fuq it-Tritoni tilħaq għoli ta’ madwar sitt metri ’l fuq mill-plattin.
  2. Meta r-riħ iżid, l-għoli tal-koppla tinżel għal tliet metri.
  3. Jekk ir-riħ jiżdied għal qawwi, il-ġettijiet ta’ fuq il-plattin jieqfu għal kollox u minflok titħaddem pompa li tfawwar il-plattin. Hawnhekk l-ilma jinżel iċarċar mal-qiegħ tal-plattin.
  4. Jekk ikompli jżid ir-riħ, l-ilma kollu tal-funtana jieqaf għal kollox.

Din is-sistema awtomatika taħdem permezz ta’ sensor tar-riħ sabiex l-azzjoni tittieħed immedjatament hekk kif Pjazza Tritoni hija miftuħa u l-quċċata tal-ilma tal-funtana jilħaq għoli ta’ madwar erba’ sulari. Dan jagħmilha iktar faċli li jinħakem mir-riħ, itir barra mill-funtana u jispiċċa fuq in-nies li jkunu għaddejjin minn ħdejha.
L-ilma li joħroġ mill-funtana qed jgħaddi minn sistema ta’ filtrazzjoni fejn l-ilma qiegħed kontinwament jiġi msaffi u trattat sabiex la jkun dannu għan-nies u lanqas ma jagħmel ħsara lill-funtana.
Il-funtana titħaddem bejn is-6am u nofsillejl.
Il-funtana ta' Tritoni tpoġġiet lura f'postha lura f'Awwissu li għadda wara seba' xhur ta' restawr fl-Italja.
Id-dehra l-ġdida tal-Pjazza ta' Tritoni ġiet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu qabel il-ftuħ tal-Valletta 2018.