Applikazzjoni għat-tneħħija tal-wiċċ ħamrija f'Tal-Wej, fil-Mosta qajmet tħassib serju fost ir-residenti. 
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-applikazzjoni hija biex il-ħamrija titneħħa sabiex issir tfittxija arkaeoloġika mill-izviluppatur.
Ir-residenti u diversi għaqdiet ambjentali huma mħassba minħabba li dan is-sit jinsab f’żona barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) u huwa protett bħala sit ta’ importanza  arkeoloġika u xjentifika għolja.
L-applikazzjoni tal-iżvilupp PA/09387/17, marbuta mal-applikazzjoni għat-tneħħija tal-ħamrija, tinsab f’żona li hi sensittiva għall-iżvilupp minħabba il-fdalijiet arkeoloġiċi u l-ekoloġija tal-post. 
Fost l-għaqdiet li diġà tkellmu kontra l-iżvilupp insibu lill-Front Ħarsien ODZ, Din l-Art Ħelwa u s-Soċjetà tal-Arkeoloġija f’Malta. Huma tefgħu ukoll l-oġġezzjonijiet tagħhom.
Fost il-mistoqsijiet li qamu kien hemm x’inhi l-intenzjoni ta’ dawk wara l-investigazzjonijiet meta l-importanza  tal-post hija diġà magħrufa. Huma mħassbin ukoll dwar il-ħila u l-kredenzjali tekniċi tal-iżviluppatur biex jagħmel dan l-istudju. 
Fid-dokument tal-Konsultazzjoni mibgħut mill-Kunsill Lokali tan-Naxxar, il-Kunsill kien ta l-parir li l-Awtorità tal-Ippjanar tassigura li l-impatt ta’ dan l-iżvilupp jiġi kkunsidrat sew minħabba s-sensittività tas-sit.
Ambjentalisti jħeġġu lill-pubbliku joġġezzjona għall-iżvilupp.
Il-Front Ħarsien ODZ fi stqarrija appella lill-pubbliku biex jissottometti l-oġġezzjonijiet tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjannar sad-9 ta’ Frar.
Din l-Art Ħelwa u s-Soċjetà Arkeoloġika ta’ Malta kienu qalu li l-idea li titneħħa l-ħamrija minn dan is-sit lanqas biss għandha tiġi kkunsidrata. 
Ritratt: www.pa.org.mt