Il-kumpanija multinazzjonali Ġappuniża Softbank Group mistennija tixtri sa terz ta’ Swiss Re AG, waħda mill-akbar kumpaniji ta’ riassugurazzjoni fid-dinja.
Din it-transazzjoni hi mistennija li tlaħħaq mal-$10 biljun. Swiss Re kkonfermat id-diskussjonijiet, minkejja li qalet li dawn għadhom fil-fażijiet inizjali tagħhom.
Dawn huwa parti minn proċess qawwi ta’ diversifikazzjoni minn Softbank, li permezz ta’ fond ta’ $100 biljun imsejjaħ Vision Fund, investiet f’setturi wiesa’ bħal taxis, produzzjoni ta’ ċipep, bini ta’ satelliti u robots u saħansitra anke fis-settur agrikolu. Skont il-Wall Street Journal, Softbank jista’ jkun li tipprovdi l-prodotti ta’ assigurazzjoni ta’ Swiss RE direttament lill-konsumaturi, per eżempju l-persuni li jsuqu għal Uber.
L-ishma ta’ Swiss Re jiswew mad-90 Frank Svizzeru l-waħda għal valur komplessiv ta’ 31 biljun frank. Permezz tar-riassigurazzjoni, kumpaniji bħal Swiss Re jgħinu lill-kumpaniji ta’ assigurazzjoni jkopru l-aktar riskji li jqumu spejjeż bħal claims minn uragani jew terremoti.
Riċenti kien hemm interess ikbar f’dawn il-kumpaniji, hekk kif, per eżempju, Exor NV, il-kumpanija ta’ investiment tal-familja Agnelli xtrat kontrol ta’ PartnerRe, filwaqt li hedge fund managers rinomati bħal David Einhorn u Dan Loeb bdew kumpaniji tagħhom f’dan il-qasam fl-aħħar żmien.
SoftBank għandha wkoll investimenti fl-industrija tal-assigurazzjoni tradizzjonali, hekk kif is-sena li għaddiet investiet f’Lemonade Inc, kumpanija bbażata f’New York.
Il-muniti virtwali għad jikkrollaw: Goldman Sachs

Il-parti l-kbira tal-muniti virtwali (cryptocurrencies), jekk mhux kollha, huma destinati li jitbaxxew iżjed fil-valur sa ma jispiċċaw ma jiswew xejn. Dan skont nota pubblikata minn Goldman Sachs, waħda mill-akbar kumpaniji ta’servizzi ta’ investiment fid-dinja.
Ir-raġuni mogħtija hija li s-sistema u l-kunċett wara dawn il-muniti hija wisq primittiva, it-transazzjonijiet idumu biex jitwettqu u jiswew ħafna flus. Dan barra kwistjonijiet ta’ sigurtà li huma pjaga tal-infrastruttura attwali. Madanakollu, dan ma jfissirx li mhux se jkun hemm muniti virtwali li jagħmlu suċċess fil-futur.
Goldman Sachs xebbħet is-sitwazzjoni attwali bil-bitcoin u l-muniti virtwali l-oħra mal-hekk imsejħa “bużżieqa” tad-dotcom fis-Snin 90, bħala twissija ta’ x’jista’ jkun qed jistenna lill-investituri. Kumpaniji kbar tal-bidu bħal pets.com u eToys.com spiċċaw, u posthom ittieħed minn ġganti bħal Amazon u Google. L-istess jista’ jiġri fl-ispazju tal-muniti virtwali.
Filwaqt li ftit investituri jista’ jkun li jgawdu u jibqgħu jgawdu fl-immedjat, il-kumpanija wissiet li huwa diffiċli ħafna li l-valuri għolja li kienu ntlaħqu ftit tal-ġimgħat ilu qatt jerġgħu jintlaħqu.
Dawn il-kummenti saru hekk kif Bitcoin din il-ġimgħa reġgħet misset it-$8,300 wara li niżlu taħt is-$6,000 il-ġimgħa li għaddiet.
Il-kumpanija tal-ferroviji Italo tinxtara mill-Amerikani

Il-fond Amerikan Global Infrastructure Partners (GIP) akkwista l-kumpanija tal-ferroviji Taljana Ntv-Italo.
Nuovo Trasporto Viaggiatori-Italo hija kumpanija Taljana, bi kwartieri f’Ruma li topera ferroviji li jlaħħqu veloċità ta’ 300 km/siegħa.
Il-ftehim ilaħħaq maż-2 biljun ewro, barra 30 miljun ewro li se jitħallsu bħala imgħax lill-azzjonisti attwali. Barra minn dan, l-azzjonisti attwali ngħataw il-possibilità li jerġgħu jinvestu fil-grupp u jixtru sa 25% tal-operatur.
Sa ftit ġimgħat ilu, kien mifhum li Italo kienet fi ħsiebha tbiegħ lill-pubbliku mal-40% tal-kapital tagħha f’ishma sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Il-fond Amerikan indika li kien fi ħsiebu jżomm lic-Chairman attwali, Luca Cordero di Montezemolo kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv Flavio Cattaneo. Il-ftehim għad irid jiġi approvat mill-awtoritajiet regolatorji tal-kompetizzjoni Taljani u Ewropej.
Dan il-ftehim wasal ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali fil-pajjiż, u min-naħa tiegħu l-Gvern Taljan laqa’ dan l-investiment, iżda qal li xorta jittama li l-kumpanija ma tabbandunax il-possibilità li tiftaħ l-ishma tagħha għas-suq. Il-kumpanija, li twaqqfet oriġinarjament biex tikkompeti mall-kumpanija statali Ferrovie dello Stato, għandha l-għan li tespandi l-mudell tagħha barra l-pajjiż fis-snin li ġejjin.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.