Elaine Compagno, vittma ta’ vjolenza domestika u li llum taħdem full time mal-grupp SOAR fi ħdan il-Fondazzjoni St Jean Antide, tirrakkonta esperjenzi li kienu jumiljawha.
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, Elaine Compagno qalet kif waqt li kienet għaddejja mill-vjolenza domestika, marret f’supermarket mas-sieħeb tagħha u poġġiet kaxxa taċ-ċereali fit-trolley.
Esprimiet l-umiljazzjoni li ħasset meta dan kien pront reġa’ ġabar il-kaxxa u poġġieha lura fuq l-ixkaffa. “Dak il-ħin ħassejt li qed jittrattani qisni tifla, li għamilt xi ħaġa ħażina”, kompliet tgħid.
Compagno rrimarkat li apparti mis-swat, il-vjolenza domestika hija kkaraterizzata wkoll minn manipulazzjoni, kontroll, u poter. Eżempji oħra ta’ abbuż huwa dak finanzjarju jew dak psikoloġiku.
Skont Compagno, il-vittma f’każ ta’ vjolenza domestika tibda tafda aktar il-verżjoni tar-realtà ta’ min ikun qed iwettaq l-abbuż milli dak li jkun tassew ġara. Żiedet tgħid li wara ftit, il-vittma mbagħad tibda titbiegħed mill-familja u mill-ħbieb tagħha. Qalet li dan iwassal biex il-vittma titlef in-netwerk tas-sapport li jkollha.
“Kultant it-tfal jiġu mmanipulati kontra l-omm u jibdew isawtuha huma wkoll”
Elaine Compagno semmiet ukoll każijiet fejn it-tfal jiġu mmanipulati kontra ommhom tant li xi drabi jsawtuha l-ulied stess huma tassew tal-qsim il-qalb.
Qalet li t-tfal ġieli jixhdu falz fil-Qorti, allura dan joħloq martirju għall-omm li tispiċċa f’kawża kontra t-tfal tagħha stess. Żiedet tgħid li meta jikbru t-tfal, jistgħu jiġu affettwati minn sens ta’ ħtija enormi.
Esperjenza ta’ vittma oħra
Waqt l-istess programm tkellmet ukoll vittma li baqgħet anonima, li rrakkontat kif semgħet programm dwar il-vjolenza domestika u bdiet tinduna li hi stess kienet f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika.
Spjegat li għalkemm kienet taf li qed tiġi msawta, dejjem kienet tara kif tiskuża dan l-aġir mir-raġel tagħha. Kienet taħseb li bħala parti mill-missjoni tal-imħabba tagħha kellha tipprova tgħinu.
Iddeskriviet li tant kien diffiċli li tieħu l-ewwel passi biex toħroġ mis-sitwazzjoni li meta tħares lura tibda tgħid magħha nnifisha li kważi kien ikun aħjar li kieku ma tkellmet xejn.
Qalet li f’Malta hawn kultura li jekk mara titlaq lir-raġel tiġi mgħajra “kiesħa” u “bla valuri”.
Madanakollu sostniet li issa ngħaqdet mal-għaqda tas-sapport SOAR u hemm sabet nisa oħra li mlewha bil-kuraġġ.
Min ikun jixtieq jagħmel kuntatt mal-grupp SOAR  jista’ jċempel fuq 2180898 jew jagħfas hawn.
Irġiel li jkunu jridu jfittxu l-għajnuna jistgħu jċemplu lill-Aġenzija Appoġġ fuq 179.