4 minuti qari

Missier li kien leħħen il-weġgħa tiegħu ma’ Newsbook.com.mt minħabba kif kien qed jiġi ttrattat ibnu mil-Learning Support Educator (LSE), ikkonferma li llum ibnu għandu LSE ġdida li bis-saħħa tagħha qed jerġa’ jħobb l-iskola.
Is-sena l-oħra Mario Mifsud kien tkellem dwar il-każ ta’ ibnu Lydon, li għandu l-kundizzjoni tal-awtiżmu, u dwar il-mod żbaljat li kienet tirreaġixxi miegħu l-LSE li kellu, u li nbidlet għax il-missier wara 3 xhur ingħata raġun dwar dan.
Ma’ Newsbook.com.mt Mario kien irrakkonta kif l-LSE ta’ ibnu ma kinitx sensittiva biżżejjed għal ħtiġijiet partikulari ta’ persuna bl-isfidi tal-awtiżmu, billi fost oħrajn ma tagħtix kasu meta javżaha minn qabel li se jagħtih tantrum – bħal splużjoni ta’ rabja intensa rikorrenti fi tfal bl-awtiżmu.
Kienet twieġbu li ma jimpurtahiex jekk se jagħtih tantrum ieħor, li t-tifel kien tgħallem jagġraf meta jkun se jagħtih bis-saħħa tat-tagħlim li jirċievi mingħand iċ-Ċentru Malti għall-Awtiżmu.
“Jirċievi mħabba bħal ta’ omm, u sar il-mutur tal-klassi”
Illum il-missier jitkellem dwar tifel li jsib is-sostenn kollu mil-LSE tiegħu, li tħobbu b’imħabba t’omm.
Qalilna li dan qed jirrifletti fir-riżultati li jġib Lydon, kemm mil-lat akkademiku, iżda anki f’oqsma oħra.
Fost l-oħrajn, it-tifel jiġi l-ewwel fil-mużika, u minn ta’ quddiem fil-Malti, anki meta hu magħruf li tfal bl-isfidi tal-awtiżmu jsibuha partikularment diffiċli meta jiġu għall-kitba tal-Malti.
Iżda fuq kollox il-missier deher sodisfatt meta qalilna li l-għalliema tgħidlu li Lydon huwa l-mutur tal-klassi.
Proċess diffiċli, għax l-għalliema u l-LSE kienu ħbieb
Mifsud irrimarka li l-proċess biex jiġu emmnuti l-allegazzjonijiet tiegħu ma kienx wieħed faċli, għax fost l-oħrajn l-LSE u l-għalliema kienu ħbieb, kif ukoll, skont il-missier, il-Kap tal-iskola kienet qed tkaxkar saqajha għal xi raġuni jew oħra.
Il-missier irrakkonta li darba sema’ lill-assistent tkellem lill-prinċipal, u qaltlu li jekk jieġu azzjoni f’dal-każ toħroġ “b’long leave”.
Barra minn dan il-Kap qaltu li ma setgħetx tkellem lill-LSE minħabba l-unjin.
Semma kif fiż-żewġ laqgħat li kellu mal-istaff tal-iskola, wara tliet xhur jirrapporta, dawn kellhom informazzjoni mhux veritiera, skont il-missier, min-naħa tal-LSE u saħansitra l-INCO, id-dipartiment tal-edukazzjoni inklussiva fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
“Meta semgħu lit-tifel, il-kamra mtliet tensjoni”
Il-missier qal li wara żewġ laqgħat li ma wasslu għal imkien, ġie deċiż li tinstema’ x-xhieda tat-tifel, li kellu jinġieb mid-dar għax ma kienx qed jattendi l-iskola.
Skont Mifsud, Lydon qal dak kollu li kien qed iħoss għax qal il-verita kollha, u kien hawnhekk li min sema’ x’kellu jgħid induna bis-sitwazzjoni.
L-LSE tintbagħat ma’ ħaddieħor, u baqgħet tmur fil-klassi
Il-missier temm jaqsam l-esperjenza tiegħu ma’ Newsbook.com.mt, billi qalilna li għalkemm kuntent għal ibnu, xorta ma jistax joqgħod kwiet meta jaf li din l-LSE ma ngħatatx it-taħriġ neċessarju u nbagħtet ma’ student jew studenta oħra.
Barra minn hekk, kellha tittieħed azzjoni għax din l-LSE baqgħet tmur fil-klassi ħdejn il-ħabiba tagħha l-għalliema, anki wara li ngħatat student ieħor fi klassi oħra, u t-tifel kien qed ikolu jidħol taħt il-mejda bil-biża’.
Fuq nota daqsxejn morra, il-missier jirrakkonta kif ibnu ma ħax ir-ritratt tal-klassi fil-karnival, għx din l-LSE marret biex tkun fir-ritratt, minkejja li mhix f’dik il-klassi, u t-tweġiba tal-għalliema ’l ibnu kienet “Jekk ma tridx toqgħod fir-ritratt, toqgħodx”.
Minn dakinhar l-LSE ma tħallietx tersaq aktar lejn Lydon.
Mario Mifsud jikkonkludi li każ bħal tiegħu mhuwiex fula f’qargħa.
Filmat u ritratt: Ian Noel Pace