Tfajla Palestinjana ta’ 17-il sena li ġiet iffilmjata minn ommha ssawwat suldat Iżraeljan, għaddejja ġuri f’Qorti Militari Iżraeljana.
Ahed Tamimi, qed tiġi akkużata bi 12-il offiża, inkluż attakki fuq il-forzi tas-sigurtà u li instigat il-vjolenza. Jekk tinstab ħatja, tista’ taffaċċja sentenza twila priġunerija.
Il-każ seħħ fil-15 ta’ Diċembru li għadda, ħdejn id-dar tal-familja tat-tfajla fix-Xatt tal-Punent.  Il-filmat ixxandar fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ ommha, u minn hemm inxtered fuq l-internet.
Fil-filmat, it-tfajla tidher tagħti daqqa ta’ sieq u daqqa ta’ ħarta f’wiċċ is-suldat, u thedded li tagħti bil-ponn lis-suldat l-ieħor.
Ommha wkoll qed tiġi akkużata talli xerrdet il-filmat fuq il-mezzi soċjali, filwaqt li l-kuġina tagħha ġiet akkużata bl-attakk fl-inċident.
Għall-Palestinjani, Tamimi hija simbolu ta’ reżistenza għall-okkupazzjoni Iżraeljana, iżda ħafna Iżraeljani jqisuha bħala tfajla vjolenti li qed tfittex il-pubbliċità.
Sentejn ilu l-istess tfajla dehret f’filmat tigdem id suldat Iżraeljan, li arresta lil ħuha fuq suspett li tefa’ xi ġebel.
Amnesty International sejħet għall-ħelsien tat-tfajla, filwaqt li akkużat lill-Iżrael għal trattament diskriminatorju fuq it-tfal Palestinjani.
Petizzjoni fuq Avaaz.org qed titlob il-ħelsien tat-tfajla, li l-aġir tagħha kien qed iwieġeb għall-azzjoni ta’ uffiċjal armat li spara lill-kuġin tagħha f’wiċċu quddiemha stess.