Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu l-GTA Joe Muscat qal li xi stabbilimenti tal-akkomodazzjoni Għawdxin kellhom tħassir fl-ibbukkjar minħabba l-maltemp fi żmien il-Karnival.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Joe Muscat qal li l-protagonist ewlieni tal-Karnival ta’ din is-sena kien il-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin f’dawn il-jiem ta’ briju.
Qal li dan wassal għal tħassir ta’ xi bookings fl-akkomodazzjoni bejn il-Ġimgħa u s-Sibt. 
Spjega li t-temp kellu effett negattiv fuq l-għadd ta’ nies li qasmu lejn Għawdex, iżda qal li qed jistenna konferma ladarba joħorġu ċ-ċifri uffiċjali ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu f’dawn il-jiem. 
Madankollu semma kif minkejja l-maltemp, Għawdex xorta waħda baqa’ d-destinazzjoni favorita tal-Maltin biex jiċċelebraw il-Karnival. 
Semma kif kienu bosta l-Maltin, l-aktar żgħażagħ, li sfidaw it-temp u xorta marru s’Għawdex.
Qal li uħud minnhom saħansitra tawwlu l-weekend tal-Karnival, biex baqgħu Għawdex sat-Tnejn li għadda.
Ritratt: Facebook