L-Alternattiva Demokratika (AD) għadha kif għamlet sottomissjonijiet lill-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent għall-Istudju tal-Impatt Ambjentali (EIA) dwar il-proġett tal-ITS fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Il-proġett jinkludi l-bini ta’ lukanda 5-star b’455 kamra, 158 residenza, uffiċini, kumpless tal-ħwienet, ristoranti u parkeġġ taħt l-art.
Il-kummenti ġew sottomessi miċ-Ċerpersin tal-Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo.
Jgħid li l-pjan lokali qatt ma kien suġġett ta’ assessjar ambjentali strateġiku skond id-Direttiva tal-Unjoni Ewropea trasposta fil-leġiżlazzjoni Maltija u għalhekk l-EIA kellu jidħol f’aktar dettall fejn jidħol l-impatt kumulattiv tal-proġett fuq iż-żona.
Jisħaq li wara li raw id-dokumenti ma jistax jingħad li sar l-assessjar neċessarju tal-impatt kumultattiv fuq iż-żona. Jgħidu li hemm madwar ħames proġetti kbar madwar il-Bajja San Ġorġ u għalhekk jemmnu li l-impatt għandu jiġi kkunsidrat f’daqqa. Jgħid ukoll li minkejja li qed jiġi llimitat l-iskart iġġenerat mill-proġett, mhux qed jiġu ndirizzati l-impatti ġġenerati b’mod serju.
Cacopardo ikkumenta li minkejja li l-ERA issuġġeriet li għandu jiġi kkunsidrat it-traffiku mal-madwar tal-proġett ta’ Villa Rosa, l-EIA ma jagħmilx dan b’mod adegwat.
Jisħaq li hemm bżonn reviżjoni fejn jidħol l-iskavar mal-madwar ta’ Għar Għarq Ħammiema hekk kif jgħid li ma jidhirx ċar fl-assessjar jekk l-iskavazzjoni għandiex issir jew le.
Iċ-Ċerpersin tal-AD insista ukoll li l-EIA ma jikkunsidrax l-impatt li jista’ jħalli da nil-proġett fuq Pembroke hekk kif jista’ jħajjar aktar żviluppi.