Għada mistennija li joħorġu aktar dettalji minn Malta dwar il-Paradise Papers fuq is-sit tal-Konsorzju Internazzjonali tal-Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ).
Is-sit ħabbar li se jinkixfu aktar minn 85,000 entità u aktar minn 110,000 uffiċjal ġdid fid-database tal-Offshore Leaks, nhar l-Erbgħa 14 ta’ Frar.
L-informazzjoni ġdida li se tiġi ppubblikata ġejja minn tliet reġistri korporattivi, fosthom Malta, il-Gżejjer Cook u Samoa, membru tal-pajjiżi tal-Commonwealth u waħda minn żewġ ġurisdizzjonijiet li jiffurmaw il-Gżejjer Samoa.
Ir-reġistri jinkorporaw informazzjoni li hi valida sal-aħħar tal-2016.
It-tliet ġurisdizzjonijiet ġew ikklassifikati fost l-aktar pajjiżi fid-dinja li għandhom segretezza finanzjarja. Malta kklassifikat fl-20 pajjiż, il-Gżejjer Cook fil-100 post u Samoa fil-81 post. L-istħarriġ sar mill-Financial Secrecy Index li kienet poġġiet lil Malta fis-27 post fl-2015.
F’Malta, isem Joe Bannister tfaċċa fil-gazzetti wara l-pubblikazzjoni tal-Paradise Papers. Fil-Paradise Papers ġie żvelat li Bannister kellu rabta ma’ intrapriża Russa fis-settur tal-minjieri, liema kumpanija tirreferi għal Bannister bħala parti mill-maniġment. Din il-kumpanija nfetħet fil-British Virgin Islands meta Bannister kien għadu Ċermen tal-MFSA.
F'Diċembru li għadda, il-Prim Ministru ħabbar li Joe Bannister se jirriżenja minn Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) f’Marzu li ġej, u minn dakinhar ’il quddiem se jservi ta’ konsulent għall-Gvern.