Bosta ġenituri li jsiru jafu li t-tfal tagħhom qed jiġu bbuljati fl-iskejjel ħafna drabi jilmentaw li ma tittiħidx l-azzjoni neċessarja mill-iskejjel sabiex jieqaf l-ibbuljar.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar xi proċeduri jeżistu f’każ ta’ bullying fl-iskejjel.
Minkejja li saħqet li mhux f’pożizzjoni li jikkummenta fuq każijiet individwali, kelliema għall-Ministeru tal-Edukazzjoni semmiet kif l-iskejjel għandhom jużaw is-Servizz ta’ Kontra l-Ibbuljar li jagħmel parti mis-Servizz Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel.
Kompliet tispjega kif il-Politika Nazzjonali Kontra l-Ibbuljar, li nħarġet fl-2014 tgħid li hekk kif jiġi rrappurtat każ ta’ bbuljar, l-amministrazzjoni tal-iskola għandha dawn ir-responsabbiltajiet:

  1. Li tkellem lill-istudenti kkonċernati individwalment sabiex toħroġ stampa ċara ta’ x’ġara bejniethom.
  2. Li timtela l-formola li tirrapporta l-inċident li l-iskejjel jistgħu jsibu fl-Appendiċi tal-proċeduri tal-Politika Nazzjonali kontra l-Ibbuljar.
  3. Li jiġu nfurmati l-ġenituri jew kustodji legali kemm tal-agressur, kif ukoll tal-vittma.
  4. Li l-guidance teachers tal-iskola jiġu mgħarrfa bil-każ.
  5. Li jekk il-każ ma jiġix solvut fl-iskola stess, għandu jiġi referut lis-Servizz ta’ Kontra l-Ibbuljar permezz tal-Online Referral Form.

Il-Ministeru qal ukoll li s-Servizz jirrispondi fi żmien ħamest ijiem skont l-urġenza tal-każ.
F’każ li l-ġenituri jħossu nuqqas mill-iskola, għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-Uffiċċju tal-Prinċipal jew tad-Dipartiment għas-Servizzi Edukattivi.