3 minuti qari

L-Ewroparlamentari mill-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew, Sven Giegold, irrimarka li qabel ma d-delegazzjoni ta’ MEPs ġiet Malta f’Diċembru li għadda biex tara hux qed jiġu osservati l-liġijiet, kienet diġà ġabret biżżejjed informazzjoni li wrietha kemm Malta hi maqsuma politikament, inkluża l-midja.
Dawn il-kummenti Giegold għaddiehom lil Newsbook.com.mt, meta kien mistoqsi dwar ir-rapport tal-Gvern li fih it-tweġiba għar-rapport li ħejjiet id-delegazzjoni PANA/LIBE bir-rakkomandazzjonijiet.
Fost l-oħrajn id-delegazzjoni talbet biex dawk il-politiċi li nkixfu mill-Panama Papers, inkella dawk li ssemmew f’rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) b’allegazzjonijiet serji, jitneħħew mill-pożizzjoni tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-Gvern wieġeb li d-delegazzjoni ġiet Malta b’informazzjoni antika, u sostna li ma fehmitx biżżejjed kif jaħdmu l-isttituzzjonijiet li ġiet tikkritika.
Mistoqsi dwar jekk id-delegazzjoni kkunsidratx li l-kmamar tal-aħbarijiet jistgħu jiffavorixxu partit jew ieħor, Giegold wieġeb lil Newsbook.com.mt li din żammewha f’rashom, iżda tkellmu l-ewwel ma’ min hu kritiku ta’ ċerti prattiċi tal-Gvern, filwaqt li ma qisux bħala veritier kulma ġie ppbublikat.
“It-tweġiba tal-Gvern bħat-tiswija ta’ għalliem fil-klassi”
Meta tkellem dwar il-mod kif il-Gvern wieġeb lid-delegazzjoni, Giegold stqarr li għalih kien qisu għalliem li minflok iffoka fuq is-sustanza f’xogħol student, qagħad jinħela jikkoreġilu n-nuqqasijiet iż-żgħar.
Mistoqsi liema huma dawk l-isfidi serji li t-tweġiba tal-Gvern tiżvija minnhom, skont Giegold, semma n-nuqqas ta’ azzjoni mill-Pulizija biex tiskatta investigazzjoni, anki wara rapporti serji mill-Aġenzija tal-Gvern Kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), kemm dawk ippubblikati minnha, kif ukoll dawk żvelati mill-midja.
Semma wkoll kif ma sar xejn ma’ persuni li isimhom deher fil-Panama Papers u għadhom fl-uffiċċju, fosthom Konrad Mizzi, li għadu l-uniku Ministru fl-UE li deher fil-Panama Papers.
Ma’ dawn żied in-nuqqas ta’ riżorsi li għandhom il-Pulizija, li jirriflettu fin-nuqqas ta’ investigazzjonijiet meta tqabbilhom mal-għadd ta’ rapporti, speċjalment dawk marbuta mal-kriminalità finanzjarja.
Dwar dan temm jgħid li sa ċertu punt kuntent li r-rapport tal-Gvern ma indirizzax dawn l-isfidi ewlenin, għax dan ifisser li għad hemm iċ-ċans għad-djalogu.
 “Irid ikun hemm ambjent fejn il-każijiet jipu pproċessati”
Minkejja dan, Giegold faħħar l-ambjent għan-negozju f’Malta, iżda argumenta li dan kollu qed itappan din ir-reputazzjoni tajba, speċjalment fl-oqsma tal-finanzi u l-gaming.
Enfasizza li jekk ma jkunx hemm ambjent fejn xi ħadd jew xi negozju jħossu sigur li l-illegalitajiet jiġu pproċessati, mela jbati l-pajjiż kollu.
“Għandkom sistema soda, għala tiftaħ kumpanija fil-Panama?”
Dwar il-każ tal-Panama Papers, l-MEP tal-Ħodor irrimarka li f’Malta hawn sistema korporattiva soda, ħabrieka u mingħajr ħafna burokraziji, fejn biex tiftaħ kumpanija hu relattivament faċli.
Semma kif fil-Ġermanja biex tiftaħ kumpanija ddum ħames xhur.
B’dan jistaqsi għaliex mela persuni esposti politikament fetħu kumpaniji fil-Panama, xi bżonn kien hemm għalihom?