2 minuti qari

L-Ewroparlamentari Soċjalista Portugiża, Ana Gomes, li mexxiet id-delegazzjoni li żaret Malta f’Diċembru li għadda, enfasizzat li mhu soċjalist xejn li tipprivatizza l-qasam tas-saħħa.
Gomes kienet qed tirreaġixxi għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar it-tweġiba tal-Gvern għar-rapport li ħejjiet id-delegazzjoni, u li fih niżżlet x’sabet kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tagħha.
L-MEP mill-Grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, li tiegħu huma membri wkoll l-Ewroparlamentari Maltin Alfred Sant, Marlene Mizzi u Miriam Dalli, tkellmet dwar il-bejgħ tat-tliet sptarijiet tal-Gvern lil Vitals Global Healthcare (VGH).
Gomes iddeskriviet il-mossa bħala waħda antisoċjalista u li tmur kontra l-interess tal-pubbliku, l-aktar għax fi kliemha l-isptarijiet inbiegħu lil kumpanija li ħadd ma kien jaf xejn dwarha, wisq anqas dwar il-kompetenza tagħha fil-qasam tas-saħħa.
Karin Grech, San Luqa u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex inxtraw mill-VGH fl-2016, u x-xogħol fuqhom kellu jitlesta sa Lulju ta din is-sena, iżda f’Diċembru li għadda b’sorpriża tħabbar li l-konċessjoni tat-tliet sptarijiet għaddiet minn idejn il-VGH għal għand Steward Healthcare, kumpanija Amerikana famuża mad-dinja kollha għas-servizzi li toffri.
Il-Gvern kien qal f’Jannar li jikkunsidra jieħu passi kontra l-VGH dwar ksur tal-ftehim oriġinali għall-konċessjoni, hekk kif il-fehma ġenerali hi li l-VGH qatt ma kienet kapaċi li tmexxi dan l-investiment, u bosta mistoqsijiet qamu għaliex il-proġett ingħata lilha fil-bidu.
Il-konċessjoni tal-VGH lil Steward kienet ukoll il-bażi tad-diżgwid li għaddej bħalissa bejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) u l-Gvern.
L-inkwiet għall-MAM kien beda sa mill-2015, meta ddeċidiet li tirtira min-negozjati mal-Gvern wara s-segretezza li nżammet, skonthom, rigward il-kuntratt taL-VGH, u anki meta kien hemm ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers.
Kien hemm diversi taħditiet dan l-aħħar bejn il-MAM u l-Gvern u l-assoċjazzjoni kienet heddet b'azzjonijiet industrijali, iżda wara l-aħħar laqgħa ddeċidiet li tissospendi dawk ta' għada u l-Ġimgħa.
Filmat: Ian Noel Pace