Frar wera snienu f’dak li għandu x’jaqsam max-xita, iżda Jannar kien diġà wieġeb bir-riħ u d-dawl.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fi stqarrija ta rendikont tat-temp fl-ewwel xahar tas-sena, meta wera kif Jannar kien aktar mirjieħ u mdawwal minn kemm normalment ikun.
Jannar beda s-sena 2018 b’temperaturi kemxejn ogħla min-norma klimatika u ’l fuq minn sitt sigħat ta’ xemx aktar milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena.
L-ogħla temperatura tal-arja laħqet id-19.2°C, filwaqt li l-aktar baxxa niżlet għal 7°C.
B’kollox f’Jannar kien hemm ftit aktar minn 169 siegħa xemx u kopertura medja tas-sħab ta’ 4 oktas, li żguraw li l-gżejjer gawdew minn temp xemxi anki f’nofs l-istaġun tax-xitwa.
Ir-riħ laħaq veloċità medja ta’ 11.1 knots minflok id-9.2 knots mistennija. Buffura massima ta’ 47 knot li kienet qed tonfoħ mill-Majjistral tkejlet fit-tieni jum tax-xahar.
Il-baħar kien aktar sħun ukoll, u żamm temperatura medja tal-wiċċ ta’ 16.5°C, meta mqabbla man-norma klimatika ta’ 15.8°C.
Fil-15 ta’ Jannar ix-xemx ma ħarġet xejn, iżda jumejn wara sirġet għall-massimu tax-xahar ta’ 9.3 sigħat.
Ix-xita storja oħra
Minkejja l-abbundanza ta’ riħ u xita, Jannar kien xott.
Ix-xita li niżlet f’Jannar ammonta għal biss 13.3mm, jiġifieri 79.6mm anqas milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. Fil-fatt, ix-xahar kien l-aktar Jannar xott li esperjenzaw il-gżejjer f’dan l-aħħar deċennju.