Illum huwa Ras ir-Randan, il-bidu ta’ vjaġġ li qabelxejn huwa wieħed spiritwali, li jgħinek tikkontempla l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt.
Uħud jippreparaw bil-mod tagħhom għall-akbar festa tal-Knisja, ewlieni fosthom is-sawm.
Għalhekk illum il-Knisja f’Malta xtaqet tfakkar f’parti waħda mill-preparament spiritwali tar-Randan: is-sawm.

F’posts fuq Facebook fakkret fit-tliet pilastri tar-Randan, jiġifieri t-talb, is-sawm u l-karità, f’din l-ordni.
Enfasizzat li kemm illum kif ukoll fil-Ġimgħa l-Kbira wieħed irid isum.
Dwar l-astinenza, il-Knisja qalet li wieħed irid jiekol ikla waħda kuljum u tnejn oħra żgħar, filwaqt li jekk jista’ jevita l-laħmijiet. Il-ħut jgħodd.
Barra minn hekk, il-Knisja fakkret ukoll li fost il-jiem u żminijiet ta' penitenza, hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha. 
Finalment, wieħed jiftakar li l-ewwel u qabel kollox ir-Randan hu żmien ta’ preparament, u l-importanti hu li wieħed ilesti ruħu għall-aqwa mument tal-Knisja Kattolika.

Ilbiraħtlula l-Knisja fakkret f'dawn l-40 jum ta' preparament.
Fost l-oħrajn illejla l-Arċisqof Charles Scicluna mal-Kapitlu tal-Katidral, se jiċċelebra l-Quddiesa Stazzjonali ta’ Ras ir-Randan fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fis-6.30pm.
Il-Quddiesa tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied.
Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, li kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu li jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna.