Iżrael irid jiddefendi l-ħsieb u l-azzjonijiet li jwasslu biex il-pajjiż jibqa’ jiġi rrikonoxxut bħala stat Lhudi, anki jekk dan ikun ifisser li nwarrbu d-drittijiet umani.
Dan kien kliem li ħareġ minn fomm il-Ministru għad-Difiża ta’ Iżrael, Ayelet Shaked, li lbieraħ kienet qed titkellem dwar abbozz li jekk isir liġi Iżrael isir legalment “id-dar nazzjonali” għal-Lhud, għall-ewwel darba fl-istorja.
Shaked jidhrilha li akkost ta’ kollox Iżrael għandu jżomm maġġoranza Lhudija mżewġa mad-demokrazija, anki jekk ma jitħarsux id-drittijiet umani ta’ ħaddieħor, referenza indiretta għall-Palestinjani.
Fid-diskors tagħha l-Ministru, li ġejja minn partit tal-lemin estrem Jewish Home, iddefendiet dan l-abbozz.
“Hemm inħawi fejn il-karattru Lhudi f’Iżrael irid jinżamm, anki jekk f’dal-postijiet ma jkunx hemm ugwaljanza”, żiedet il-Ministru.
Lejn tmiem is-sena li għaddiet, il-President Amerikan, Donald Trump, irrikonoxxa lil Ġerusalemm bħala l-kapitali ta’ Iżrael, mossa li qajmet għagħa kbir mad-dinja kollha.
Shaket sostniet li Iżrael mhiwiex stat tan-nazzjonijiet kollha, u allura għandu joffri l-istess drittijiet lil kull ċittadin, iżda mhux l-istess drittijiet nazzjonali lil kulħadd.
L-abbozz imsemmi jeħtieġ li l-ewwel ikun approvat mill-Knesset, il-Parlament Iżraeljan, u diġà għadda mill-qari preliminari f’Mejju li għadda.
Fost l-oħrajn l-abbozz jiddikjara li d-dritt li teżerċita d-dritt li tikkontrolla ħajtek fl-Istat ta’ Iżrael jgħodd biss għall-Iżraeljani.
L-abbozz ineħħi l-Għarbi minn lingwa uffiċjali, minkejja li jitkellmuh 1.7 miljun Palestinjan li huma ċittadini ta’ dan l-istat.
Jisforza wkoll liċ-ċittadini kollha tal-istat biex jobdu l-liġi ċivili ta’ Iżrael, huma ta’ liema reliġjon huma.
Qed jintqal li dan l-abbozz hu perikoluż ferm, għax fost l-oħrajn jista’ jġib diskriminazzjoni kbira lejn iċ-ċittadini mhux Lhud f’Iżrael.