Fil-Qorti llum xehed Spettur tal-Pulizija li kien involut fl-ippjanar ta’ Paqpaqli għall-Istrina u li kien ukoll preżenti dakinhar li seħħ l-inċident fejn qal li ma ra xejn ħażin.
Il-każ imur lura għall-2015 meta karozza sportiva nstaqet fuq diversi persuni waqt l-avveniment Paqpaqli għall-Istrina. Bħalissa qed tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra 13-il persuna li jservu fuq il-kumitat prinċipali li kien qed jorganizza l-avveniment.
Għalkemm l-aktar uffiċjal għoli tal-Pulizija li kien preżenti waqt Paqpaqli ma kien ra xejn ħażin, ma kienx kapaċi jispjega għalfejn il-Pulizija qed tħarrek 13-il persuna. Huwa qal li l-irwol tal-Pulizija kien dak tal-kontroll tal-folol.
Fil-Qorti llum kien hemm konfużjoni dwar x’kien eżatt l-irwol tal-bord tal-amministraturi tal-Malta Community Chest Fund (MCCF).
Ħames membri tal-bord amministrattiv telgħu jixhdu dwar l-involviment tagħhom fil-MCCF u fl-avveniment.
Waħda mix-xhieda qalet li ma kinetx taf min kien jieħu d-deċiżjonijiet b’rabta mal-organizzazzjoni tal-attivitajiet. F’ħin minnhom qalet li wieħed mill-kollegi tagħha kellu jattendi laqgħat tal-kumitat prinċipali ta’ Paqpaqli, però ftit wara qalet li ma kinetx taf jekk kienx jattendi jew le.
Membru ieħor tal-bord ġiet mistoqsija dwar il-funzjoni tal-bord u l-irwol tal-President. Hija tat risposti vagi. Għalkemm qalet li kienet preżenti waqt Paqpaqli, ma kienetx kapaċi tgħid fil-Qorti jekk kienetx ingħatat struzzjonijiet mingħand xi ħadd dakinhar.
Il-każ mistenni jkompli jinstema’ għada.