Uffiċjal tal-Konferenza Epsikopali tal-Afrika t’Isfel, Fr. Peter John Pearson, qal li l-President tal-pajjiż Jacob Zuma dalwaqt jirriżenja, u d-Deputat President li mistenni jieħu postu qed jantiċipa li t-tranżizzjoni ssir malajr u mingħajr inkwiet.
Cyril Ramaphosa, li riċentement kien elett President tal-partit fil-Gvern, li mistenni jieħu post Zuma, qal li fil-jiem li ġejjin il-pajjiż se jkun jaf bir-riżultat tat-taħditiet li qed ikollu mal-President Zuma li għal numru ta’ snin ilu mdaħħal f’numru ta’skandli finanzjarji u każi ta’ korruzzjoni u jinsab taħt pressjoni qawwija biex jirriżenja.
Il-Konferenza Episkopali tqis li dan hu żmien ta’ sfida għall-pajjiż u ddeskriviet il-proċess għat-tranżizzjoni tal-poter bħala wieħed kostruttiv u joffri “opportunità kbira biex il-kwestjoni tingħalaq mingħajr diżgwid u firda. Is-sitwazzjoni politika preżenti hi opportunità biex l-Afrika t’Isfel tagħti lezzjoni importanti lid-dinja fid-demokrazija”.
Mill-1994 ebda president fil-pajjiż m'għamel it-terminu sħiħ tiegħu fil-poter u għal ħafna dan hu sinjal ta’ demokrazija b’saħħitha fejn ħadd mhu marbut mal-poter u ħadd ma jsejjaħ lill-armata biex tappoġġjah. Pearson qal li l-pajjiż għandu stampa , ġudikatura u soċjetà ċivili b’saħħithom u parlament b’saħħtu wkoll.  Id-demokrazija hi vibrant.
Fil-pajjiż qed tidħol kultura ta’ kontabilità li ma tħalli lil ħadd jeħlisha lixxa b’imġiba antidemokratika.
Il-kelliem għall-Konferenza Episkopali qal li Cyril Ramaphosa, li mistenni jsir President, hu mistenni ħafna minnu u għalkemm mhux kulħadd se jkun kuntent bih, iżda jaħseb li hu l-uniku persuna fil-pajjiż li għandu l-kredenzjali meħtieġa għall-kariga.
Hu bniedem li ħadem għall-libertà u għandu passat nadif u għandu r-rispett minn mexxejja madwar id-dinja kollha.
Fr Pearson  qal li s-sitwazzjoni fl-Afrika t’Isfel hi sejħa biex il-pajjiż iqum fuq saqajh. Sejħa li turi li anke jekk għal xi żmien wieħed kellu raġun, is-saħħa ta’ nazzjon tinsab f’kemm malajr il-pajjiż jinduna li hemm bżonn il-bidla u kemm għandu rieda politika biex jirbaħ il-mitluf.
Din għandha tkun tagħlima għall-pajjiżi kollha. Il-kobor ta’ pajjiż jidher meta dan ikun kapaċi jibni mill-ġdid il-valuri morali u dawn ikunu riflessi anke fil-politiċi tiegħu.
Il-legat ta’ Mandela li d-dinja kollha għadha tinvoka, għadu ħaj u għadu jispira l-poplu li jrid jibni fuq dan il-legat.