Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea f’diskors mqanqal fil-Parlament qal li l-istigma dwar is-saħħa mentali twaħħax.
F’referenza għall-kumment li għadda s-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, Galea qal li “le it’s not ok li tiċċajta dwar is-saħħa mentali u għandha tkun implimentata tolleranza żero dwar l-istigma li teżisti dwar is-saħħa mentali.
Galea kien qed jitkellem dwar l-estimi finanzjarji tal-Baġit. Huwa qal li l-ilsien Malti  huwa miżgħud bi kliem ta’ disprezz dwar is-saħħa mentali. Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu bħala persuna affettwata minn mard mentali u qal li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tantiċipa pandemija ta’ mard mentali sas-sena 2020. Skont il- WHO, sa dak iż-żmien ir-rata tas-suwiċidju se titla’ għal wiehed kull 20 sekonda fid-dinja.
Galea lmenta li dan il-qasam spiċċa ddawwar f’ballun politiku.  Huwa qal li l-Gvern qed imur kontra x-xejra dinjija u qed jipproponi li jibni sptar ġdid meta l-Unjoni Ewropea qed tgħid li l-kura għandha tingħata fil-komunità minħabba l-istigma, Huwa qal li jinsab inkwetat ukoll li f’ħames snin inbidlu tliet CEOs f’Monte Carmeli li tnejn minnhom kienu kandidati Laburisti. Huwa qal li għandu jsir screening tat-tfal fl-iskejjel sekondarji u l-għalliema għandhom jingħataw taħriġ peress li l-ewwel sintomi jfeġġu fi tfal ta’ madwar 14-il sena.