L-għaqda studenteska Studenti Demokristjani Maltin (SDM) saħqet li huwa inaċċettabbli u inġust li l-istudenti tal-Junior College qed ikollhom iħallsu €12 mill-istipendju tagħhom għax l-iskola ddeċidiet li kull min għandu l-karta ta’ identifikazzjoni mqabra trid tinbidillu bilfors.
L-SDM spjegat kif il-karta ta’ identifikazzjoni studenteska hija biss “biċċa karta” b’ritratt fuqha, u llaminata u għaldaqstant hija iktar faċli li titqabar, speċjalment meta l-istudenti jridu jagħmlu użu minnha kuljum sabiex jidħlu fl-iskola.
Għaldaqstant, l-organizzazzjoni ħabbret li se tkun qed toffri servizz ta’ laminazzjoni b’xejn fl-uffiċċju tagħħa għal dawk l-istudenti kollha li jkollhom bżonn.
L-għaqda kompliet tgħid kif sa ftit żmien ilu, wieħed kien iħallas biss €5 jekk jitlef il-karta u jkollu jagħmel waħda ġdida. Issa, spjegat kif mhux talli rdoppjat fil-prezz, iżda fid-29 ta’ Jannar ħarġet ordni li l-karti kollha li huma mqabra jridu jinġabru u jsiru mill-ġdid.

Dawk kollha li kellhom jgħaddu mill-proċedura u marru jiġbru l-karta ta’ identifikazzjoni ġew mitluba jħallsu €12 mill-amministrazzjoni tal-iskola, spjegat l-SDM.
L-SDM spjegat ukoll kif riċentament, l-iskola bdiet tipprojbixxi kompletament li nies jiddaħlu ġewwa mingħajr ma jkollhom din il-karta u għalhekk bosta student li anke jekk għal raġuni valida ma jippreżentawx il-karta t’ identifikazzjoni jkollhom jitilfu l-lezzjonijiet tal-ġurnata.
Għaldaqstant, din il-proċedura għamlitha impossibli li dawn l-istudenti jirrifjutaw li jħallsu €12 għall-karta llaminata.
Filwaqt li l-SDM tammetti li dawn il-karti ta’ identifikazzjoni għandhom jinżammu f’kundizzjoni diċenti, tis]aq li hemm bżonn li jsiru b’materjal aktar b’saħħtu jew inkella li jiġi revedut il-prezz sabiex ikun aktar raġġjonevoli għal dak li qed jieħdu l-istudenti.