Infetaħ uffiċjalment il-Kampjonat Ewropew tal-8-Ball li se jsir bejn illum u nhar il-Ġimgħa li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, Clifton Grima, qal li jinsab kuntent li assoċjazzjoni żgħira kapaċi torganizza dan il-kampjonat kbir b’mod professjonali, u li hi l-intenzjoni tal-Gvern li jkompli jgħin lil assoċjazzjonijiet bħal dawn, li jgħinu biex jiżdied it-turiżmu lejn il-gżejjer Maltin permezz tal-parteċipazzjoni ta’ tant barranin fl-avvenimenti tagħhom.
F’dan il-kampjonat Ewropew se jieħdu sehem 500 plejer minn tnax-il pajjiż differenti; il-Belġju, Ċipru, Franza, l-Ingilterra, ir-Repubblika tal-Irlanda, l-Irlanda ta’ Fuq, il-Portugall, l-Iskozja, Wales, iċ-Channel Islands u l-Marokk bħala mistieden speċjali, flimkien ma’ Malta.
L-istqarrija tas-segretarjat tkompli tgħid li Malta se tkun irrappreżentata minn 42 plejer li se jieħdu sehem fi tmien kategoriji differenti.
Dawn jinkludu tliet kategoriji ta’ rġiel seniors, team ta’ taħt it-18-il sena, żewġ timijiet ta’ taħt it-23 sena, u żewġ timijiet ta’ dawk li għandhom aktar minn 50 sena.
L-istqarrija ttemm titkellem dwar ir-rebħ tal-Maltin fil-kampjonati passati, fosthom il-kategorija tal-irġiel tliet darbiet fis-snin 2002, 2008 u 2013, apparti suċċessi oħra f’kategoriji oħra.
Il-plejer Anton Cuschieri huwa r-rebbieħ renjanti ta’ dan il-kampjonat fis-sezzjoni individwali hekk kif kien rebaħ dan l-unur is-sena l-oħra fl-Ingilterra.
Il-kampjonat se jkun qed isir fid-Dolmen Resort mill-Malta Pool Association.
Ritratt: DOI – Omar Camilleri