L-applikazzjonijiet għall-bini ta’ dar tal-anzjani f’Wied Għomor u għall-bini ta’ McDonalds f’Ħaż-Żabbar kellhom kliem ta’ stmerrija mis-Sindki tal-lokalitajiet rispettivi. 
Waqt il-programm Newsline fuq RTK 103FM, is-Sindku ta’ San Ġwann, Etienne Bonello DuPuis, qal li dar tal-anzjani f’Wied Għomor se jitfa’ lill-anzjani f’qabar qabel iż-żmien. Min-naħa tiegħu, is-Sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Mark Vella Bonnici, insista  li l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tibqa’ tagħti l-permessi bl-addoċċi speċjalment fejn jidħol il-ftuħ ta’ stabbilimenti ta’ negozju. 
“Id-dar tal-anzjani tmur kontra żewġ policies tal-PA” – Bonello DuPuis
Filwaqt li spjega li għandu jsir mezz sabiex Malta ma’ tinbidilx f’ġungla tal-konkrit, is-Sindku ta’ San Ġwann qal li l-proġett li tinbena dar tal-anzjani f’barriera f’Wied Għomor imur kontra żewġ regoli tal-PA.
Spjega kif l-ewwel regola hija dik li dar tal-anzjani trid tinbena f’lokalità u ma tistax tkun ‘il bogħod miċ-ċentru, biex ikun iktar faċli li l-anzjani jħossuhom parti mis-soċjetà. It-tieni regola hi dik li barriera ma tistax tiġi żviluppata.
Bonello DuPuis saħaq li jekk il-PA mhix se ssegwi r-regoli tagħha stess sabiex jiġi moniterizzat il-bini madwar Malta u Għawdex, jgħid li hemm bżonn jinbidlu r-regoli nnifishom.
“Il-Kunsilli Lokali jridu jsibu t-triq tan-nofs” – Vella Bonnici
Vella Bonnici qal li jekk Kunsill ma jaqbilx ma’ xi proġett ta’ bini fil-lokalità tiegħu, għandu jaħseb ukoll li jiltaqa’ mal-iżviluppaturi u jiddiskutu flimkien l-impatt li l-bini l-ġdid jista’ jħalli fir-raħal.
Hu kompla jgħid kif il-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar għamel din il-laqgħa, fejn spjega xi affarijiet li jistgħu jsiru differenti jekk il-proġett ikollu jiġi approvat. B’dan il-mod insista li jibbenefika wkoll ir-raħal.
Minkejja dan, is-Sindku qal li l-Kunsill xorta qed joġġezzjona li jinbena l-istabbiliment tal-McDonalds speċjalment minħabba li parti mill-art hija ODZ.
Is-Sindku spjega wkoll kif li kieku l-proġett kien dar tal-anzjani u mhux wieħed ta’ negozju, proġett li minnu tista’ tibbenefika s-soċjetà, r-reazzjoni tal-Kunsill setgħet kienet waħda differenti.